Saturday, December 21, 2024

“In-negozji parti kruċjali mis-suċċess ekonomiku ta’ dan il-pajjiż”

€8 miljun f’fabbrika ġdida fiż-Żona Industrijali ta’ San Ġwann

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

B’investiment ta’ €8 miljun f’fabbrika ġdida fiż-Żona Industrijali ta’ San Ġwann, Pet Nutrition House hija l-ewwel kumpanija fl-industrija tal-ikel għall-annimali f’pajjiżna, li tesporta l-prodotti tagħha f’xejn inqas minn 70 pajjiż madwar id-dinja. 

L-impjant kien inawgurat uffiċjalment il-Ġimgħa filgħodu mill-Prim Ministru Robert Abela, li kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri u l-Ministru tal-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli. 

F’diskors tal-okkażjoni, il-Prim Ministru saħaq li negozji bħal dawn huma parti kruċjali mis-suċċess ekonomiku ta’ dan il-pajjiż. “Huwa għalhekk li l-istrateġija tal-Gvern kienet dik li nappoġġjaw bis-saħħa lin-negozji kollha ta’ pajjiżna u hekk se nkomplu nagħmlu sakemm ikun meħtieġ.”

“Nagħmlu dan sabiex nibqgħu noħolqu l-opportunitajiet, l-impjiegi u noffru karrieri aħjar lill-ħaddiema kollha,” tenna l-Prim Ministru li enfasizza fuq il-ħtieġa ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar sabiex nassiguraw futur sostenibbli.

Qal li dak li ta l-Gvern waqt il-pandemija ma kienx biss inċentiv finanzjarju imma serħan il-moħħ lin-negozji u l-familji tagħna. “Investejna f’aktar minn €1.6 biljun f’għajnuniet matul il-pandemija.”

Il-Prim Ministru kompla jgħid li issa, quddiem żmien ta’ sfidi internazzjonali, ġew iddirezzjonati mijiet ta’ miljuni ta’ ewro lejn is-settur tal-enerġija biex il-prezzijiet tal-fjuwil u tal-enerġija setgħu jinżammu stabbli. 

Huwa stqarr li dan il-Gvern irid jara li n-negozji tagħna jibqgħu jinvestu u jimirħu iżjed. Qal li l-proġett li qed jiġi inawgurat illum huwa investiment li jirrappreżenta l-impenn lejn pajjiż li jkompli jistabbilixxi ismu f’niċeċ ġodda.

Aktar minn hekk huwa investiment li jirrappreżenta viżjoni bħala Gvern għan-negozju Malti. “Li naraw negozji jimirħu f’setturi ġodda, jinvestu f’sostenibbilità tal-produzzjoni u joffru karrieri ta’ kwalità.”

Matthew Wismayer f’isem Pet Nutrition House qal li l-inawgurazzjoni ta’ dan l-impjant hi ħolma li saret realtà. Sostna li matul is-snin sabu diversi sfidi ibsin quddiemhom madankollu dejjem emmnu fil-kapaċitajiet tagħhom.

“Matul is-snin bqajna nkabbru b’saħħitna u anke fis-snin tal-pandemija xorta waħda ma xekkilx il-pass tal-progress tagħna. Il-viżjoni tal-kumpanija tagħna hija li nibqgħu nkabbru l-produzzjoni tagħna fil-gżira tagħna u ninvestu iktar sabiex noħolqu aktar opportunitajiet ta’ xogħol.”

“Aħna kburin li l-kunċett Malti qed jasal f’70 pajjiż madwar id-dinja fosthom kontinent Ażjatiku, Lvant Nofsani, Ewropew u Afrikan. Il-pjan tagħna huwa li fix-xhur li ġejjin niftħu swieq ġodda fil-kontinent tal-Amerika ta’ Isfel kif ukoll fl-Amerika ta’ Fuq.”

Wismayer spjega li din il-fabbrika, li se tkun imsawra b’identità Maltija, kapaċi tipproduċi l-aħjar ikel b’teknoloġiji modern sabiex ikun garantit l-aħjar ikel għall-klieb u l-qtates tagħna. “Il-viżjoni tal-kumpanija kienet waħda ċara u mmirata sabiex ittejjeb l-istil tal-ħajja tal-pets tagħna għall-aħjar.”

Finalment huwa spjega wkoll li fil-fabbrika ġew installati mal-1,000 pannella fotovoltajka sabiex ikunu ġġenerati mas-650,000 unit ta’ enerġija fis-sena. Dan filwaqt li l-impjant jinkludi ħajt aħdar sabiex jagħti timbru ta’ rispett lejn l-ambjent.

Ekonomija

Sport