Sunday, December 22, 2024

IN-NEGOZJI TAL-BINI

Aqra wkoll

Kemm in-negozji fil-bini u fl-artijiet għandhom rwol ewlieni fl-ekonomija ta’ pajjiżna reġa’ ntwera fl-aħħar xhur kemm bil-kontroversji li qamu dwar proġetti ġodda, kemm dwar il-kjass legali ta’ inkjesti u proċeduri fil-qrati dwar is-sorvelji fuq bini ġdid. Sadattant, uħud baqgħu jiflu l-istatistika ta’ bejgħ, xiri u wegħdiet ta’ bejgħ/xiri li kull xahar jiġu ppublikati.

Biss, l-istatistika ta’ kull xahar ftit tista’ ddawwal xi jkun qed jiġri tassew. Kif is-suq ikun qed jinbidel issir tafu mir-riżultati li joħorġu fuq numru ta’ xhur mhux fuq xahar wieħed jew tnejn. Imma hi ħaġa ovvja fiex jikkonsisti t-tħassib ta’ kull min isegwi xinhu għaddej.

Meta tinħass skarsezza ta’ bini, l-valur tal-propjetajiet se jogħla. Meta jinstab kif il-provista ta’ art għall-bini tista’ titwieżen ’il fuq, in-negozji jiżdiedu. Imma kulħadd jaf li l-art f’pajjiżna mhijiex infinita. Kulħadd jibża’ li stajna rsaqna wisq lejn l-aħħar ta’ x’jista’ jinbiegħ bħala propjetà ta’ preġju mhux ta’ Mandraġġ. Għalhekk ukoll li l-istatistika tan-negozji fil-bini u fil-propjetà tibqa’ daqshekk ikkonsultata.

FRANZA U L-ĠERMANJA

Qbil bejn Franza u l-Ġermanja hu essenzjali biex proġetti Ewropej jitilqu “jtiru”. Mhux l-ewwel darba, iż-żewġ pajjiżi qablu fuq il-kunċett ta’ xi inizjattiva ġdida imma mbagħad intilfu f’nuqqas ta’ qbil dwar kif se titħaddem. Sakemm fl-aħħar isibu qbil, il-membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea joqogħdu jistennew.

Hemm indizji li juru li l-istess ħaġa qed tiġri fuq il-proġett biex l-unjoni ta’ difiża fl-Ewropa tieħu s-sura. Il-Franċiżi jridu jgħaġġlu. Il-Ġermaniżi huma aktar kawti.

Sadattant, Franza saret it-tieni pajjiż fid-dinja li l-aktar jipproduċi armi u munizzjon għall-bejgħ barra.

MATERJI EWROPEJ

Intqalet kemm-il darba. Problema kbira fl-elezzjonijiet Ewropej hi biex tqanqal entużjażmu biżżejjed fost il-votanti tant li joħorġu jivvotaw. L-apatija mhijiex għal kollox inspjegabbli.

Il-materji Ewropej li jiġu diskussi u deċiżi fil-Parlament Ewropew, min-natura stess tagħhom, jinħassu mbiegħda mill-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini. Ta’ spiss diffiċli tqajjem xi forma ta’ kontroversja dwarhom, anke jekk imbagħad fil-fatt jaffettwaw bil-kbir il-ħajja tal-komunitajiet kullimkien, inkluża Malta.

Soluzzjoni qed tkun li t-tmexxija tal-kampanji fl-elezzjonijiet tibqa’ tiffoka (kif kważi dejjem ġara sa issa) fuq materji ta’ natura nazzjonali. Fuq dal-pedament, il-poplu jiġi mistieden jitlaq jivvota.

Xejn ma togħġobni dis-soluzzjoni, jekk hi waħda. L-elezzjonijiet Ewropej huma l-unika opportunità biex materji Ewropej jitpoġġew quddiem l-elettorat. Li l-opportunità ma titteħidx, jidhirli żball li jmur kontra l-istess interessi tal-poplu biex isir jaf tabilħaqq dwar xhiex qed jivvota, lil hinn mill-fiduċja għamja jew le li lest jagħti lil dan jew lil dak il-partit.

Ekonomija

Sport