Saturday, December 21, 2024

IN-NEO-FAXXIŻMU

Aqra wkoll

Kif urew l-inċidenti fir-Renju Unit, in-neo-faxxiżmu jista’ jkun mhux biss ħidma politika estrema, imma wkoll theddida għas-sigurtà interna fil-pajjiż. Lil hinn minn kunsiderazzjonijiet ta’ kif politikament jista’ jiġi miżmum, iqumu bilfors għalhekk mistoqsijiet dwar xinhuma l-mezzi li għandhom jintużaw ħalli din it-theddida tintlaqa’.

F’dal-qasam matul is-snin smajna ħafna dwar l-miżuri ta’ sigurtà interna kontra t-terroriżmu Iżlamiku kif fid-deċennji ta’ qabel kontra nisimgħu x’qed isir kontra x-xellug estrem. Hi ħaġa stramba kif jidher li ftit ingħatat attenzjoni sa riċentement, biex tkun imħarsa s-sigurtà interna min-neo-faxxiżmu. Jew forsi din tiegħi hi impressjoni żbaljata?

Biss li wieħed ta’ spiss jista’ jirrimarka hu kif fis-servizzi tas-sigurtà interna ta’ numru ta’ pajjiżi Ewropej instab li kienu ppenetraw (ġieli bl-aktar mod “naturali”) elementi estremi mil-lemin li baqgħu telgħin fil-għoli sew tal-ġerarkija. U dan ġara mhux biss f’pajjiżi Ewropej li sa “ftit” ilu kienu mmexxija minn faxxisti (bħal Spanja, l-Portugall u l-Greċja) imma anke f’oħrajn minn fejn it-tmexxija faxxista ilha li “spiċċat” (bħall-Ġermanja u l-Italja).

IS-SUĊĊESS

Hemm metodu ta’ kif nistgħu nagħrfu x’l-aħjar nagħmlu biex nippromwovu aktar inizjattivi u proġetti siewja għall-ekonomija u s-soċjetà tagħna li – jidhirli – nistgħu nużaw aktar milli qed nagħmlu. Dan hu billi nfittxu l-istejjer ta’ suċċess li seħħew tabilħaqq u nistaqsu kif waslu għas-suċċess tagħhom.

Dan ma jfissirx li wieħed imbagħad għandu jitlaq biex jikkopja b’għajnejn magħluqa xi jkun sar f’xi każ partikolari. Madankollu, wieħed jista jara jekk il-fatturi li jkunu wasslu għas-suċċess għandhomx xi applikazzjoni ġenerali.

Bla dubju, f’eżerċizzju ta’ dat-tip, ikun meħtieġ ukoll ġudizzju tajjeb ta’ x’għandhom ikunu l-kriterji tas-suċċess. Mhux darba, ħidma li tqieset ta’ suċċess f’ċertu żmien, malajr inbidlet f’waħda li żviluppat f’diżastru mhux ħafna wara.

FESTI

Il-festi tal-irħula huma parti mill-patrimonju nazzjonali u għandhom jingħataw inkoraġġiment u jiġu mħarsa. Mhux l-anqas billi l-aktar aspetti tradizzjonali tagħhom jingħataw għarfien akbar. Dan għandu jsir mhux biss biex il-poplu jkollu bhiex jehda u jieħu gost u biex it-turisti jgawdu l-vaganza tagħhom f’pajjiżna. Imma wkoll biex jissaħħaħ is-sens ta’ identità nazzjonali li, bħal ma qed jiġri f’pajjiżi oħra, ta’ spiss jinħall fil-mewġ ta’ drawwiet globalizzati.

Min-naħa l-oħra, il-ħarsien mogħti lill-festi irid jirrispetta l-interess taċ-ċittadini kollha, kif ukoll l-esiġenzi tal-ħajja moderna kif jeżistu f’pajjiżna. Il-murtali tal-bomba mtellgħa bla kont ta’ ħin, it-tqegħid ta’ logħob tan-nar qrib wisq tal-abitant jew tal-propjetà tan-nies, l-istorbju esaġerat tal-parties, id-diżgwid tat-traffiku, fost oħrajn, iridu jiġu regolati b’serjetà u b’impenn favur imġiba ċivili lejn il-bqija tas-soċjetà.

Ekonomija

Sport