Thursday, November 6, 2025

In-nies iridu politika matura mhux teatrini fil-Parlament

Aqra wkoll

Il-Parlament għandu jkun spazju ta’ djalogu u fejn nindirizzaw l-isfidi bħala pajjiż.  L-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż mhux post tat-teatrini, u l-imġieba tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista hija deplorabbli.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Miriam Dalli, u l-opinjonista żagħżugħ Carlos Zarb, tkellmu dwar kif il-poplu jistenna politika matura, b’mod partikolari fil-Parlament.

“Id-diżrispett tal-Oppożizzjoni fil-konfront tal-Parlament hija ċara u dak li assistew għalih in-nies it-Tlieta li għadda huwa sintomatika ta’ partit li, jinbidel kemm jinbidel il-Kap, l-attitudni tibqa’ l-istess,” qalet il-Ministru Dalli. “In-nies iriduna nużaw il-Parlament sabiex nixprunaw ‘il quddiem proġetti, pjanijiet u inizjattivi li joffru ekonomija b’saħħitha u futur għal uliedna.”

Miriam Dalli tkellmet dwar kif in-nies, b’mod partikolari ż-żgħażagħ, iħarsu lejn il-politika bħala l-arena li fiha jistgħu jwasslu l-messaġġ u l-ideat tagħhom. “Ma nistgħux innaffru ż-żgħażagħ milli jidħlu għall-politika. Il-futur ma niksbuħx bl-għajjat u l-istorbju, imma billi nxammru l-kmiem u naħdmu iktar,” tenniet Dr Dalli.

Minn naħa tiegħu, Carlos Zarb tkellem dwar kif it-Tlieta li għadda, il-poplu assista għal Kap tal-Oppożizzjoni li donnu diġà tilef il-kontroll tad-deputati tiegħu, bl-interruzzjonijiet kontinwi waqt id-diskors tal-Prim Ministru, biex ixekkluh milli jispjega l-miri u l-viżjoni għal pajjiż għaż-żmien li ġej.

“Minflok rajna kap ġdid li suppost għadu frisk, assistejna għal Kap li tilef il-kontroll tad-deputati tiegħu. Dik it-tip ta’ attitudni timbotta lil żgħażagħ bħali milli nagħtu kontribut għal pajjiżna,” qal Zarb.

Filwaqt li spjega kif il-Partit Laburista tah l-ispazju biex jitkellem dwar l-ideat tiegħu, ammetta li minn Alex Borg, bħala Kap żagħżugħ, stenna xi ħaga differenti. “Mhix kwistjoni ta’ ħsieb politiku differenti – li jkun hemm id-differenzi huwa normali, imma ma jfissirx li dan in-nuqqas ta’ qbil fl-opinjonijiet għandu jwassal għal teatrini. Il-politika tal-bajda u l-ħamra hija dik li tixpruna d-djalogu,” qal Carlos Zarb.

Huwa tenna li jixtieq jara politika matura li tilħaq l-aspirazzjonijiet ta’ kulħadd, filwaqt li appella liż-żgħażagħ biex ikunu l-forza tal-bidla u progress u ma jħallux atteġġjamenti bħal tal-Partit Nazzjonalista jimbuttawhom ‘il bogħod mill-involviment tagħhom fil-politika.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport