Friday, May 3, 2024

“In-nies m’għandhiex tallarma ruħha meta tara l-preżenza tal-Pulizija fl-Emerġenza”

Kuntistabbli jispjega dwar il-ħidma tal-Pulizija fid-Dipartiment tal-Emerġenza

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-inċidenti tat-traffiku huma xi ħaġa li sfortunatament ikollna nirrappurtaw dwarha kważi kuljum. Niltaqgħu ma’ każijiet differenti u li fihom dawk involuti jsofru minn ġrieħi li jvarjaw minn dawk li jeħilsuha ħafif sa dawk li sfortunatament jispiċċaw jitilfu ħajjithom fil-post. Fost l-ewwel persuni li jintalbu jassistu lil dawk involuti nsibu lill-Pulizija kif ukoll lill-professjonisti mediċi li ta’ kuljum joħorġu skont is-sejħiet li jkollhom daqslikieku sejrin jassistu lil xi ħadd tal-familja.

Dan is-sit tkellem dwar dan is-suġġett ma’ Roderick Psaila – Kuntistabbli stazzjonat fid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei fejn spjegalna aħjar dwar l-irwol tal-Pulizija f’dan id-dipartiment.

“Ġieli nkunu xogħol hawnhekk u tara nies jiċċassaw lejna għax jaħsbu li tkun ġrat xi ħaġa kbira jew li qegħdin fil-periklu”, beda biex jispjega ma’ TALK.MT PC Psaila. Huwa kompla biex jgħidilna li b’kollox hemm tmien uffiċjali tal-Pulizija, tnejn f’kull xift u li b’kollox hemm erba’ xiftijiet. 

YouTube video

Ix-xogħol tal-Pulizija fid-Dipartiment tal-Emerġenza ikopri l-ġurnata sħiħa kuljum u bħala xogħol huwa wieħed pjuttost mifrux. Il-Pulizija jieħu ħsieb prinċiparjament iħares l-ordni fil-post, iżda kif spjega tajjeb magħna PC Psaila, is-sitwazzjonijiet ivarjaw skont il-każ partikolari.

Fost affarijiet oħra, huma jikkordinaw mal-bqija tal-korp dwar inċidenti tat-traffiku. Dawk fl-emerġenza jżommu l-kuntatt ma’ uffiċjali oħrajn fosthom dawk tal-għassa tad-distrett kif ukoll mal-midja tal-Korp biex tiġi stabbilita l-kundizzjoni ta’ dawk involuti, xi trattament kellhom bżonn u f’liema swali kellhom jiġu trasferiti skont l-esiġenza. Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, il-midja tal-Pulizija tgħarraf lill-ġurnalisti b’komunikat uffiċjali skont id-dettalji tal-każ u minn hemm tinħareġ l-aħbar tal-inċidenti li naqraw dwarhom ta’ kuljum fl-aħbarijiet. 

Il-kuntistabbli kompla biex jgħid ma’ dan is-sit li l-aktar li joħolqu kommossjoni jkunu dawk il-qraba u ħbieb li jmorru tista’ tgħid b’ħarba lejn l-Isptar wara li jiġu infurmati dwar xi ġrieħi li jkunu sofrew l-għeżież tagħhom. Qalilna li mhix ħaġa faċli biex tikkontrolla tali kommossjoni, b’mod speċjali meta dawn ikunu jridu jaraw lil nieshom akkost ta’ kollox anke jekk il-protokolli ma jippermettux li dan iseħħ. 

Il-Pulizija fl-Emerġenza ġieli jkollhom jingħaqdu mat-tobba biex jagħtu l-aħbar li żgur li ħadd ma jkun jixtieq jisma’ – l-aħbar tal-mewt. “Mhux l-ewwel darba li l-qraba maħkumin mill-kommossjoni tal-mument jispiċċaw ikunu aggressivi b’reazzjoni għall-aħbar li lanqas ikunu jistgħu jemmnu u hawnhekk ukoll nippruvaw inkunu kemm nistgħu professjonali biex filwaqt li tipprova tifhimhom, tfakkarhom li t-tabib m’għandu l-ebda jedd fuq min isalva u min le”, kompla l-Kuntistabbli.

Tkellem dwar il-bżonn li tinżamm il-paċi pubblika minħabba pazjenti li jkunu aggressivi minħabba kundizzjonijiet psikoloġiċi, problemi ta’ vizzji ta’ droga, alkoħol, u sitwazzjonijiet oħra fejn il-Pulizija jridu jinżlu għal-livell tagħhom, jippruvaw iżommu kalmi b’tali mod li jikkalmaw il-pazjent biex ikun jista’ jikkopera magħhom.

PC Psaila qalilna li minn meta kien tifel, meta kienu jistaqsuh x’jixtieq isir la jikber, kien pront iweġibhom dwar ix-xewqa li jingħaqad fil-Korp tal-Pulizija. Fl-2015, PC Psaila kien ġie ppremjat bħala l-uffiċjal tas-sena wara li flimkien mal-Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili salvaw raġel li spiċċa bil-karozza b’kollox fil-baħar.

“Kont xogħol ta’ billejl, ċemplu mill-kamra tal-kontrolli fl-għassa tal-Imsida li kien hemm karozza waqgħet il-baħar. Morna jien u s-Surġent u qalb il-ħafna kommossjoni, kien hemm min indikalna fejn kienet waqgħet il-karozza u bla ma ħsibtha darbtejn inżajt l-uniformi u qbiżt biex nagħti l-ewwel għajnuna.”

YouTube video

Riċentament PC Psaila kien ukoll imfaħħar għall-ġest sabiħ tiegħu biex għen tifel bl-awtiżmu jikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħu waqt li kien qiegħed jistenna flimkien ma’ ommu fid-Dipartiment tal-Emerġenza. Il-Kuntistabbli kien qiegħed jitrasferixxi xi karti meta lemaħ dan it-tifel jagħmel ċertu storbju u l-imġiba tiegħu kienet turi li ma kienx komdu. 

“Indunajt li ma bediex iħossu komdu. Ommu biex tgħaxxaq kellha tarbija oħra f’idha u nista’ nimmaġina li ma kinitx faċli għaliha biex tikkontrolla lil binha f’dik is-sitwazzjoni li kienet. Mort fuqu u b’sempliċi ġest ta’ hi-five rnexxieli qisni nikkonvinċih li hemm min hu miegħu. Tkellimt ftit miegħu u tajtu badge tal-Pulizija, u ma ngħidlekx kemm beda jgħannaqni u jwaddabli bews jien u qomt biex inkompli bix-xogħol tiegħi. Nemmen li għalih dak il-mument kien mument fejn ħassu sigur minkejja taħlita ta’ emozzjonijiet li seta’ kien qiegħed jesperjenza sa ftit tal-minuti qabel”, kompla l-Kuntistabbli.

Fil-kumment aħħari tiegħu ma’ dan is-sit, PC Psaila saħaq dwar il-bżonn li aktar żgħażagħ jersqu lejn il-Korp tal-Pulizija. Minbarra l-ħtieġa ta’ aktar riżorsa umana, l-irwol jagħti ċertu sodisfazzjon fejn ikun x’ħin ikun l-mument li tmidd rasek fuq l-imħadda, il-ħsieb li tkun għent lil xi ħadd partikolari jagħtik sodisfazzjon indeskrivibbli.

Sport