Sunday, November 24, 2024

In-Nisa u s-Sostenibbiltà Finanzjarja

Aqra wkoll

Jumejn qabel l okkażjoni ta’ Jum il-Mara, ġiet organizzata diskussjoni mill-ħbieb ta’ Clint Azzopardi Flores bit tema “In-Nisa u s-Sostenibbiltà Finanzjarja” fejn ġew diskussi diversi punti rigward is-sigurtà tal-mara biex tgħix l-istil ta’ ħajja kif mixtieq. Id-diskussjoni tmexxiet minn Sandro Mangion.

Kien hemm diversi suġġetti li spikkaw, fosthom il proposti li ħarġet bihom l-Eks President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro, fejn saħqet li sabiex wieħed jisfida n-norma tal-ġeneru, is-sistema edukattiva trid tinbidel drastikament. Filwaqt li temmen li l isterjotipi tas-sessi għandhom jiġu indirizzati mill-età tenera tal-kura tat-tfal, appellat għal trasformazzjoni fis-sistema edukattiva ikbar sabiex it-tfal jitrabbew b’moħħ iktar miftuħ, li jaħsbu għalihom infushom, u mhux jagħmlu dak li jgħallimhom ħaddieħor.

Dr Karen Mugliett saħqet li saru ħafna miżuri favur il familja, li ġew indirizzati fil qasam tal-edukazzjoni, fejn il-mara mxiet ħafna fis-soċjetà, u sostniet li ħafna min-nisa li kienu preżenti f’din id-diskussjoni, kienu nisa ta’ suċċess, nisa li rnexxielhom jegħlbu diversi sfidi. Dan kollu sar bis-saħħa ta’ ingredjenti li ġew imrawma fihom dawn in-nisa, l-emanċipazzjoni li trabbew fih kemm mid-dar kif ukoll mill-iskola. Hija qalet li s-saqaf tal-ħġieġ għadu jeżisti, imma ssibu biss f’ċertu strati tas-soċjetà, għaliex hemm nisa li ma rnexxilhomx jilħqu fil-ħajja minħabba l-ambjent li jgħixu u jaħdmu fih. Qalet ukoll li l finanzi huma importanti għaliex jassiguraw li kulħadd għandu l-potenzjal li jista’ jilħaq u jkollu xogħol ta’ dinjità.

Il Membru Parlamentari Dr Katya De Giovanni kompliet issaħħaħ l-argument tal-Eks President fejn qalet li t tfal kollha għandhom ikunu preparati għad-dinja tax-xogħol. Sostniet li m’għadux iż-żmien li tifla biss titgħallem il-ħjata u l-Home Economics filwaqt li s subien imorru jilagħbu fiċ ċentru taż-żgħażagħ. Hija saħqet ukoll li wasal iż-żmien li t-tfal jidentifikaw ruħhom ma’ sessi oħrajn, u mhux biss bħala tifel jew tifla, u kompliet tgħid li hemm bżonn ta’ bidla fil-ħsieb kemm fil-kurrikulu, fil-kotba, u f’kull ħsieb li jista’ jkollu dak il-messaġġ sottili li aħna nkunu qed ngħaddu lit-tfal tagħna: dak l-irwol li wieħed għandu jaċċetta fis-soċjetà. Hija saħqet l importanza li l missirijiet ma jiġux imċaħħda mit-trobbija tal-ulied. Saħqet ukoll li mhux ġust għas-subien li jitrabbew f’soċjetà fejn ħafna mill-għalliema huma nisa għaliex is-subien ukoll għandhom bżonn ta’ mudelli fl-età bikrija tagħhom.

Dominic Sciberras qal li bil mod kif żviluppat is-soċjetà, il-familja nukleari kif nafuha, ta’ raġel, mara, tifel jew tifla, m’għadhiex teżisti għaliex il-mara ħarġet fid-dinja tax-xogħol u mhux dejjem huwa l fatt li r-raġel jaqla’ l ikbar ħobża ta’ kuljum. Huwa sostna li hemm drabi fejn il-mara trid taħseb u tippjana minn qabel x’tip ta’ xogħol sejra taħdem għaliex trid taħseb fin-neċessitajiet tal-familja l-ewwel, kif ukoll taħdem u tikkontribwixxi sabiex il-familja tkun tista’ tgħix kwalità ta’ ħajja aħjar. B’hekk ir raġel għandu jagħti sehmu fix-xogħol tad-dar daqskemm għandha tagħti l-mara.

Il Ministru Miriam Dalli saħqet li l-kwistjonijiet relatati mal-inugwaljanza ma ssibhomx biss f’Malta imma ssibhom anke fuq livell Ewropew, u sostniet li meta jkunu qed jittieħdu deċiżjonijiet, għandhom bżonn jittieħdu minn taħlita ta’ kemm irġiel kif ukoll nisa sabiex b’hekk l-ideat diversi jkunu qed jirriflettu r-realtajiet ta’ nies differenti. Il Ministru saħqet li l-awtonomija finanzjarja tan-nisa hija kruċjali u għandha tiġi mgħallma minn kulħadd, kemm mid dar, kif ukoll minn fuq il-bank tal-iskola.

Il-Ministru Julia Farrugia pproponiet li wasal iż-żmien li n-nisa għandhom jieħdu sehem f’dibattiti li tradizzjonalment huma meqjusa maskili. Il-Ministru saħqet ukoll li bħala pajjiż għandna niddibattu fuq is-suġġett tal-manteniment u għandna nisfidaw is-sistema tal-qrati. Semmiet ukoll l importanza li niddibattu suġġetti li s’issa f’dan il pajjiż ċaħħad lin-nisa mid-dritt li jkollhom it tfal tagħhom, bħas-suġġett tat-tqala għal terzi persuni.

Dr Amanda Spiteri Grech sostniet li aħna bħala poplu għandna nkunu strumentali biex immexxu lil uliedna ’l quddiem, kemm għall-bniet u kemm għas-subien. Hija saħqet li l-ikbar sinifikat ta’ Jum il Mara għandu jkun wieħed: li dak li kapaċi jagħmel ir-raġel, kapaċi tagħmlu l-mara. Hija trid tgħix f’soċjetà li ma tagħmilx differenza bejn is(sessi.

L-Onor. Alicia Bugeja Said tħossha kburija li taħdem f’ambjent li tradizzjonalment huwa ddominat mill-irġiel u tħoss li bħala soċjetà għandna bżonn ngħallmu lil uliedna li m’hemmx għalfejn nagħmlu distinzjoni bejn is sessi. Hija semmiet ukoll id differenza fil-pagi bejn il-ġeneri, fejn ikollok pagiet differenti għall-istess xogħol u tgħid li din lanqas suppost għandha tiġi diskussa għaliex hija diskriminatorja minnha nnifisha. Hija saħqet li tixtieq li xi darba jasal iż żmien fejn Jum il-Mara ma jibqax jiġi ċċelebrat għaliex ikun ifisser li d-diskriminazzjoni tkun spiċċat.

Fl għeluq ta’ din id-diskussjoni, il-kandidat Clint Azzopardi Flores ikkonkluda billi jgħid li l-għan ta’ dan l avveniment kien li tinħoloq diskussjoni u wara din id diskussjoni jiġu miġbura l-iktar affarijiet importanti sabiex jinħolqu politiki fit-tul. Huwa qal li l-iktar punti li ġew imnissla f’din id-diskussjoni huma li jkun hemm edukazzjoni; li jkun hemm emanċipazzjoni u li jinħolqu politiki mfassla sabiex is soċjetà timplimentahom. Infatti, Clint Azzopardi Flores jinkoraġġixxi kemm ir riċerka, għaliex kull politika għandha tiġi studjata, kif ukoll jippromwovi iktar diskussjonijiet analitiċi u kritiċi bħal dawn, għaliex huma l-bażi sabiex jitfasslu dawn l-istess politiki.

Sport