Wednesday, July 24, 2024

In-NU ssejjaħ għal projbizzjoni ta’ reklamar mill-industriji tal-fjuwils fossili

Aqra wkoll

L-industriji produtturi tal-fjuwils fossili tad-dinja qed jiffaċċjaw pressjoni kbira u saħansitra l-korporazzjonijiet tal-faħam, taż-żejt u tal-gass ġew imsejħa bħala l-“parrini tal-kaos fil-klima” li kienu jgħawġu l-verità u qarrqu lill-pubbliku għal għexieren ta ‘snin.

L-aħħar attakk li sar fuqhom kien mis-Segretarju Ġnerali tan-Nazzjonijiet Uniti Antonio Guterres li nhar l-Erbgħa ħeġġeġ b’mod qawwi biex l-industriji tal-fjuwils fossili jiġu pprojbiti milli jirreklamaw sabiex jgħinu lid-dinja tiġi salvata mit-tibdil fil-klima. Hekk kif ir-reklamar tat-tabakk kien ipprojbit minħabba t-theddida għas-saħħa, l-istess issa għandu japplika għall-fjuwils fossili.

Ir-rimarki ta’ Guterres kienu l-aktar kundanna damnuża s’issa tal-industriji responsabbli għall-biċċa l-kbira tat-tisħin globali. Studji ġodda wrew li r-rata tat-tisħin qed tiżdied u li r-rekords globali tas-sħana komplew jinżlu.

Id-dejta mis-servizz tal-klima tal-Unjoni Ewropea tikkonferma li kull wieħed mill-aħħar 12-il xahar stabbilixxa rekord ġdid ta’ temperatura globali għaż-żmien tas-sena. It-temperaturi għoljin kienu xprunati mit-tibdil fil-klima kkawżat mill-bniedem, għalkemm ingħataw ukoll spinta żgħira mill-fenomenu klimatiku El Nino.

Is-sena li għaddiet kienet l-aktar sħuna u l-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija qalet nhar l-Erbgħa li r-rekord jista’ jerġa’ jaqa’ din is-sena. Grupp ta’ madwar 50 xjenzat ewlieni rrappurtaw separatament li r-rata ta’ tisħin globali kkawżat mill-bnedmin kompliet tiżdied.

Huma sabu li l-emissjonijiet għoljin kontinwi ta ‘gassijiet li jsaħħnu jfissru li d-dinja qed timxi eqreb lejn il-falliment li tintlaħaq il-marka simbolika ta’ tisħin ta ‘1.5C fuq bażi itwal.

Biex jipprova jevita dan l-eżitu, is-Segretarju Ġnerali tan-NU sejjaħ għal azzjoni politika aktar mgħaġġla dwar it-tibdil fil-klima, u trażżin fuq l-industrija tal-fjuwils fossili. Sostna wkoll li l-industriji tal-fjuwils fossili wrew ħeġġa bla waqfien biex jostakolaw il-progress matul għexieren ta’ snin u għalhekk ħeġġeġ lil kull pajjiż biex jipprojbixxi r-reklamar minn kumpaniji tal-fjuwils fossili. 

Is-sejħa ta’ Guterres għal projbizzjoni sħiħa fuq ir-reklamar kollu tal-fjuwils fossili iżda m’għandha l-ebda pożizzjoni legali u m’għandha l-ebda mezz biex tinforza l-projbizzjoni tar-reklamar. Madankollu, tista’ titqies bħala spinta għall-kampanjaturi li ġġieldu kontra l-isponsorjar u r-reklamar minn kumpaniji tal-faħam, taż-żejt u tal-gass.

L-isport huwa wieħed mill-akbar oqsma ta’ reklamar u sponsorizzazzjoni tal-fjuwils fossili, bil-futbol għandu assoċjazzjoni twila mal-produtturi taż-żejt u l-gass. It-tħassib dwar is-saħħa tal-bniedem kien wassal għal projbizzjoni tar-reklamar tal-alkoħol u t-tabakk fil-futbol u l-kampanji favur l-ambjent qed jittamaw li dan jiġri wkoll fil-każ tal-fjuwils fossili.

Is-sħana globali li kisret ir-rekord tfisser li t-temperaturi medji matul l-aħħar 12-il xahar kienu 1.63C ‘il fuq minn livelli preindustrijali tal0aħħar snin tas-seklu dsatax. Dan ma jikkostitwixxix ksur tal-ftehim ta’ Pariġi dwar il-klima, li fih kważi 200 pajjiż wiegħdu li jippruvaw iżommu ż-żidiet fit-temperatura taħt 1.5C, sabiex jippruvaw jevitaw uħud mill-agħar impatti tat-tibdil fil-klima.

Dan għaliex il-ftehim ta’ Pariġi huwa ġeneralment mifhum li jfisser medja ta’ 20 sena biex tittaffa l-varjabilità naturali. Meħuda b’mod ġenerali, l-aħħar għaxar snin kien madwar 1.2C aktar sħun mil-livelli preindustrijali.

Ekonomija

Sport