Wednesday, August 27, 2025

In-NU titlob ġustizzja dwar l-attakk doppju Iżraeljan fuq sptar f’Gaża

Aqra wkoll

Wara diversi riżoluzzjonijiet ta’ kundanna li ħarġet kontra Iżrael, li bosta minnhom ma swew għal xejn, in-Nazzjonijiet  Uniti issa qed titlob li jkun hemm ġustizzja wara l-attakk doppju ta’ Iżrael fuq sptar f’Gaża li qatel mill-inqas 20 persuna. 

Il-kundanni għal dan l-attakk, li fost il-vittmi kien hemm ħames ġurnalisti u erba’ ħaddiema tas-saħħa, żdiedu bil-Prim Ministru tar-Renju Unit Keir Starmer jiddeskrivih bħala “kompletament indifensibbli”.

Aktar tard nhar it-Tlieta, il-Forzi tad-Difiża ta’ Iżrael (IDF) għamlu pubblika l-inkjesta inizjali tagħhom, li identifikat diversi “lakuni” għal aktar investigazzjoni. Dan ġara hekk kif ħafna Iżraeljani għamlu diversi protesti madwar il-pajjiż fejn talbu lill-gvern tagħhom biex jaċċetta ftehim biex jeħles lill-ostaġġi.

L-ewwel attakk tat-Tnejn fuq l-isptar Nasser f’Khan Younis wassal għall-qtil ta’ mill-inqas persuna waħda, cameraman ta’ Reuters li kien qed ixandar b’mod dirett fuq it-TV minn taraġ mal-ġenb tal-bini tal-isptar. It-tieni attakk fl-istess post madwar 10 minuti wara laqat ġurnalisti u persuni tas-salvataġġ li kienu fuq il-post.

Mill-inqas 20 persuna nqatlu inklużi erba’ ħaddiema tas-saħħa u ħames ġurnalisti li ħadmu għal aġenziji tal-midja internazzjonali, inklużi l-Associated Press, Reuters, Al Jazeera u Middle East Eye. 

Kelliem tal-Uffiċċju tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, Thameen al-Kheetan qal li dawk l-attakki kienu xokkanti u mhux aċċettabbli. Qal li dan iqajjem diversi mistoqsijiet dwar “il-mira li qed ikun hemm lejn il-ġurnalisti” u dawn l-inċidenti kollha jridu jiġu investigati u dawk responsabbli jridu jinżammu responsabbli. 

Meta tkellem dwar investigazzjonijiet Iżraeljani tal-passat dwar imwiet f’Gaża, al-Kheetan żied jgħid li “dawn l-investigazzjonijiet jeħtieġ li jagħtu riżultati. Jeħtieġ li jkun hemm ġustizzja. Għadna ma rajniex riżultati jew miżuri ta’ responsabbiltà.”

Fid-dikjarazzjoni tagħha, l-IDF qalet li identifikat camera pożizzjonata mill-Ħamas fiż-żona tal-isptar użata biex tosserva l-attività tat-truppi tal-IDF, mingħajr ma pprovdiet evidenza. Ir-rapport tal-IDF jidher li huwa bidla fit-ton mid-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Netanyahu nhar it-Tnejn filgħaxija, li kkaratterizzat l-inċident bħala wieħed “traġiku”.

L-IDF ma spjegatx għaliex seħħ it-tieni attakk minuti wara l-ewwel wieħed. Minflok, qalet li kienet meħtieġa aktar investigazzjoni dwar il-proċess ta’ awtorizzazzjoni, inkluż il-munizzjon użat u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-militar.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport