Saturday, December 14, 2024

In-numru ta’ passiġġieri li għaddew mill-ajruport f’Mejju 18% biss taħt il-livelli tal-2019

Aqra wkoll

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kompla josserva sinjali ta’ rkupru tal-ivvjaġġar bl-ajru, hekk kif it-traffiku qabeż in-nofs miljun passiġġier għat-tieni xahar konsekuttiv f’Mejju. 

F’Mejju, għaddew 554,820 passiġġier mill-ajruport, total li jsarraf fi rkupru ta’ 82.3% taċ-ċifri rreġistrati qabel il-pandemija. Barra minn hekk il-maġġoranza tal-pajjiżi li lejhom hemm titjira diretta mill-ajruport issa neħħew għalkollox ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għal passiġġieri ġejjin minn pajjiżi fl-Unjoni Ewropea fiż-Żona Schengen. 

It-traffiku tal-pasiġġieri rkupra b’mod parallel ma’ rkupru ta’ 81.2% fil-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet minn u lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. F’Mejju li għadda 81.4% t’a dawn il-postijiet kienu okkupati, jiġifieri żieda ta’ 1.1% fuq l-2019, li kompliet tindika domanda b’saħħitha għall-ivvjaġġar. 

L-Italja baqgħet fil-quċċata tal-aktar swieq popolari, u kkontribwiet 121,120 passiġġer mit-traffiku totali ta’ Mejju. Ir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja u l-Polonja wkoll żammew posthom mix-xahar ta’ qabel. 

Malta rkuprat kważi 80% tal-konnessjonijiet li kellu qabel il-pandemija, l-irkupru ta’ rotot li jgħaqqdu lill-ajruport ma’ tnejn mill-aktar swieq importanti – ir-Renju Unit u l-Ġermanja – qiegħed iseħħ ħafna aktar bil-mod. Qabel il-pandemiija, ir-Renju Unit u l-Ġermanja kienu jokkupaw l-ewwel pożizzjoni u t-tielet pożizzjoni rispettivament fil-lista tal-aqwa swieq tal-ajruport.

Ħarsa lejn l-istampa usa turi li l-aktar tbassir aġġornat għall-industrija ġie ppubblikat mill-Eurocontrol il-ġimgħa li għaddiet. It-tbassir ta’ Eurocontrol għat-titjiriet jipprovdi tliet xenarji, li kull wieħed iqis is-sitwazzjoni tal-gwerra fl-Ukrajna. 

Ix-xenarju bażi, li jaqa’ bejn xenarju ottimist u ieħor aktar pessimist, juri li ċ-ċifri ta’ qabel il-pandemija jistgħu jerġgħu jintlaħqu fl-2024, jekk il-kunfidenza tal-konsumatur tkompli tiżdied, sfidi bħan-nuqqas ta’ staff fl-industrija jiġu indirizzati, u ż-żieda fil-prezz tal-enerġija u żidiet oħrajn ikollhom impatt limitat fuq il-kapaċità tal-akkwist tan-nies.

Ekonomija

Sport