In-numru kumplessiv ta’ persuni li s’issa ġew infettati bil-Covid-19 qabel l-10,000 hekk kif mill-2,686 swab test li ttieħdu matul dawn l-aħħar 24 siegħa rriżultaw 126 każ ġdid. Dan wassal biex it-total kumplessiv tal-każi issa jammonta għal 10,101, bil-każi attivi jammontaw għal 2,068.
Intant l-awtoritajiet tas-saħħa qalu li fl-istess waqt kien hemm 139 persuna li kienu rapportati li rkupraw mill-virus.
Filwaqt li l-każi tal-lum għadhom qed jiġu investigati, mill-każi tal-bieraħ jirriżulta li kien hemm 20 każ ta’ persuni li rriżultaw pożittivi wara li ġew f’kuntatt ma’ qraba tagħhom li diġà kienu pożittivi għall-virus, 11-il każ ta’ trasmissjoni tal-virus fuq il-post tax-xogħol, sitt każi ta’ persuni li ġew f’kuntatt ma’ persuni li diġà kienu pożittivi għall-virus, seba’ każi li rriżultaw minn attivitajiet soċjali, u każ li kien importat.