Friday, December 20, 2024

IN-NUTRIZZJONI – MOD BIEX NIĠĠIELDU L-COVID-19, IL-PRESSJONI GĦOLJA U D-DIJABETE

Aqra wkoll

Kollaborazzjoni miġjuba lilkom minn: Dr. Georgiana Farrugia Bonnici, MSc Family Medicine, BSc (Hons) Rad; M.D. (Tabiba)  +356 77 35 70 98 (FGURA, ZEJTUN, MSKALA, PAOLA) u Ms. Fiona Briffa (Toħloq riċetti tajbin għal min jixtieq jonqos mill-piż żejjed, kif ukoll tgħin/tagħti sapport lil min jixtieq jonqos mill-piż għal saħħa aħjar.)

1) Xi tgħidulna dwar il-kundizzjoni tad-Dijabete Tip 2, li tista’ wkoll żżid ir-riskju li ddum iktar biex tfieq jekk taqbdek kwalunkwe infezzjoni?

Id-dijabete Tip 2, li hija l-aktar tip ta’ dijabete komuni, hija kklassifikata bħala disordni fis-sistema metabolika, li twassal għal-livelli ta’ zokkor għoli fid-demm, li jibda jitla’ iktar minn 6mmol/l jekk wieħed ikun sajjem, jew inkella iktar minn 11mmol/l jekk wieħed ma jkunx sajjem, speċjalment fil-preżenza ta’ ċerti sintomi oħra allarmanti bħall-għatx kbir, żieda fil-produzzjoni tal-urina, għejja, vista mċajpra jew telf ta’ piż qawwi, li ma kienx mistenni.

Dan jista’ jseħħ minħabba nuqqas ta’ produzzjoni tal-ormona tal-insulina, jew inkella minħabba reżistenza għall-insulina fil-ġisem. 

2) Kif tiżviluppa l-kundizzjoni tal-pressjoni għolja, li hi msejjħa bħala waħda ‘siekta’?

Il-pressjoni għolja fid-demm tkun preżenti meta wieħed jkollu diversi qari ta’ pressa fl-arterji li teċċedi il-140/90 mmHg. Dan il-qari huwa maqsum f’żewġ partijiet:- Il-pressjoni hekk imsejjħa ta’ fuq tikkorrispondi mal-ogħla pressa fid-demm meta l-qalb tkun qed tingħafas waqt it-taħbit, filwaqt li l-pressjoni ta’ taħt, tikkorrispondi mal-iżgħar pressa fid-demm, iżda din id-darba, meta il-qalb tkun rilassata.

Huwa pjuttost normali, li l-pressjoni fid-demm tgħola bi ftit iktar ma’ wieħed jikber fl-età, pero huwa importanti li wieħed jiċċekkja l-pressjoni fid-demm frekwentament, għaliex f’bosta drabi, meta wieħed ikun qed isofri minn din il-kundizzjoni, ma jħoss xejn partikolari biex jindika dan. Infatti, din hija għalhekk imsejħa bħala kundizzjoni ‘siekta’, għalkemm ċerti nies ġieli jirrapurtaw li qed iħossu uġiegħ ta’ ras, problemi fil-vista jew fis-smiegħ, jew ħass ħażin, bħala sintomi.

Ħafna drabi, il-pressjoni għolja fid-demm tkun mqisa bħala waħda ta’ kaġun primarju, jiġifieri ma jkun hemm l-ebda kundizzjoni oħra medika relatata magħha, pero jista’ jkun hemm wkoll minoranza ta’ każijiet oħrajn, fejn il-pressjoni għolja fid-demm tkun qed tiġi kkawżata sekondarjament minn mard mediku ieħor, bħal mard fil-kliewi, tal-qalb, jew żbilanċ relatat mas-sistemi tal-endokrinoloġija. Kif ukoll, ikun hemm persentaġġ żgħir ieħor ta’ nisa, li l-pressjoni għolja toħorġilhom biss fit-tqala.

3) X’inhi l-kundizzjoni tal-‘metabolic syndrome’ u x’jista’ jsir jekk din tista’ żżid ir-riskji ta’ kumplikazzjonijiet relatati mal-Covid-19?

Il-kundizzjoni ta’ ‘metabolic syndrome’ tkun preżenti f’persuna meta jkun hemm iktar minn 3 fatturi, jew iktar, preżenti minn dawn li ġejjin: livell ta’ zokkor għoli fid-demm, qis ta’ qadd ta’ iktar minn 35 pulzier fin-nisa, u ta’ iktar minn 40 pulzier fl-irgiel, pressjoni għolja fid-demm, flimkien ma’ livell għoli ta’ xaħam fid-demm. 

Dawn huma fatturi li jistgħu jżiedu wkoll r-rata ta’ kumplikazzjonijiet mill-Covid-19, speċjalment meta wieħed jiddaħħal fil-qasam tal-kura intensiva. Għaldaqstant, huwa vitali li dawn il-persuni jagħmlu l-almu tagħhom biex iinaqqsu il-piż żejjed, billi jieklu ikel bnin, li hu baxx fiz-zokkor, fix-xaħam u fil-melħ, u jagħmlu attività fiżika regolari. Wieħed għandu jfittex wkoll li jaqta’ it-tipjip u l-konsum eċċessiv tal-alcohol.

Dan il-perjodu ta’ inċertezza, fejn il-marda tal-Covid-19 hi fuq moħħ kulħadd, jaf iġib miegħu stress kbir li jista’ jaffetwa kemm l-pressjoni, u anke z-zokkor fid-demm. Għalhekk, hu importanti ħafna li kemm jista’ jkun noqogħdu rilassati biex ngħinu lilna nfusna nħossuna aħjar. Dan nistgħu nagħmluh b’xi passatemp li nħobbu nagħmlu, jew billi nisimgħu xi mużika li tant nħobbu. Punt importanti iehor li xtaqna ngħidu ukoll hu, biex noqogħdu attenti x’naqraw fuq il-midja soċjali. Mhux kull ma naqraw ikun minnu. Aqraw biss minn sorsi li huma ta’ min jafda fuqhom u jekk taraw li l-midja soċjali qed taffetwakom ħafna, naqsu l-ħin minn fuqha.

Dawn l-aġiri mhux biss jgħinu biex wieħed ikun jista’ jikkombatti l-Coronavirus b’mod aħjar iżda wkoll biex tevita diversi komplikazzjonijiet serji u kroniċi oħra, bħall-mard tas-sistema kardjovaskulari, puplesiji jew attakki tal-qalb, mard tal-vista, u mard tal-kliewi, fost oħrajn.

4) Mill-aspett ta’ nutrizzjoni, tistgħu taqsmu magħna ftit pariri fuq il-kwantità u l-kwalità ta’ l-ikel li wieħed huwa rikommandat li jiekol, sabiex iżomm piż tajjeb, u jevita li jpoġġi ruħu f’riskju li taqbdu l-pressjoni għolja jew id-dijabete Tip 2?

F’dan iż-żmien diffiċli fejn qed inħabbtu wiċċna mal-Covid-19, huwa importanti ferm li kulħadd jgħix stil ta’ ħajja sana, speċjalment dawk li jbatu bid-Dijabete Tip 2 jew bil-pressjoni għolja, minħabba li huma iktar vulnerabbli.

Għalhekk, huwa vitali li kulħadd jiekol ikel tajjeb għas-saħħa, sabiex intejbu s-sistema immunitarja tagħna, u nkunu aktar b’saħħitna f’każ li rridu nikkumbattu lil dan il-virus. Ftakru wkoll li l-piż żejjed ma jaghmilx ġid, allura hu tajjeb li nieklu ikel sustanzjuż, li hu baxx fiz-zokkor, fil-melħ u fix-xaħam kemm jista’ jkun, però billi jkun “healthy” ma jfissirx li nistgħu nieklu bl-addoċċ minnu.  Importanti ħafna li l-porzjon xorta jkun wieħed moderat, biex ma nżidux fil-piż. Eżempju tipiku ta’ dan jiġri meta xi ħadd dijabetiku jiekol ħafna frott, iżda dan xorta jkun fih ħafna zokkor naturali! Għaldaqstant, għandna lkoll noqgħodu attenti x’tieklu u kemm nieklu. 

Il-pressjoni għolja tista’ tiġi minn bosta fatturi bħall-ikkunsmar ta’ melħ żejjed jew stress, fost oħrajn. Għalhekk, biex inżommu l-pressjoni fid-demm stabbli huwa għaqli li nevitaw wkoll l-imluħa fl-ikel. 

5) X’tgħidulna fuq il-piramida tal-ikel? U idealment, x’inhuma l-makro u l-mikro-nutrijenti li wieħed għandu jfittex li jimla’ l-platt tiegħu bihom?

Għas-saħħa inġenerali u anke għal min jixtieq jonqos mill-piż żejjed hu importanti li nieklu ftit minn kollox imma b’moderazzjoni. Il-piramida tal-ikel tgħin ħafna għax turina liema hu l-iktar ikel li hu rakommandat li għandna nieħdu kuljum. 

Meta niġu biex nimlew il-platt tagħna rridu naraw li nimlewħ b’ħafna ħaxix (idealment nofs il-platt) li jagħtuna sorsi ta’ differenti ta’ vitamini u minerali, kif ukoll b’sorsi oħra ta’ proteini bħal-laħam, ħut jew tiġieġ, u kif wkoll karboidrati bħar-ross, biex b’hekk ikollna ikla bbilanċjata li fiha ftit minn kollox.

6) Kif ukoll, x’taġsbu li jaħdem l-aktar meta wieħed jiġi biex jaddotta bidla radikali fl-istil ta’ ħajja li jgħix, biex ttejjeb ħajtu b’mod ħolistiku?

Mill-esperjenza personali tiegħi, biex tibdel ħajtek, biex ittejjeb saħħtek u anki biex tonqos mill-piż żejjed, importanti ħafna l-ikel. Kif diġà semmejna, importanti ħafna li toqgħod attent x’tiekol u kemm.

Biex jirnexxilek tagħmel din il-bidla, trid tippjana u tipprepara l-ikel minn qabel, u trid iżżomm ma’ dak li tippjana. Xi minn daqqiet taf issibha iebsa sakemm tidra u taqbad ir-ritmu, imma dak hu parti mill-proċess. Daqsxejn sagrifiċċju irid ikun ukoll imma ftakar li l-bidla li tkun qed tagħmel, hi ta’ ġid għal saħħtek u hi importanti ħafna li tagħmilha.

Li tixrob l-ilma jgħin immens, anki biex tikkontrolla l-ammont ta’ ikel li tiekol, pero mill-banda l-oħra, ma tridx tkun iebes wisq miegħek innifsek. Jiġifieri, jekk tiżgarra daqsxejn, toħodhiex bi kbira. Taqbadx u tieqaf għax taqta’ qalbek imma kompli bil-mod għax pass pass se tasal. 

Biex tara bidla, trid tagħmel bidla li tinvolvi f’ħafna bidliet żgħar. Jekk ma tagħmel l-ebda bidla mhux se tara l-ebda bidla. Għalhekk, hu importanti ħafna li ma taqta’ qalbek qatt. Xi kultant se ssibha diffiċli, veru, imma mhux impossibli! Aħna minn hawnhekk, nieħdu l-opportunità biex nagħtu kuraġġ lil kulħadd. 

Jekk tixtieq ssegwi l-health blog ta’ Dr. Georgiana Farrugia Bonnici, tista’ tagħmel dan billi żżur u tagħmel ‘like’ fuq din il-paġna ta’ Facebook:  ×Be Holistically Healthy, MD× – www.facebook.com/be.heart.healthy

Jekk tixtieq tagħmel kuntatt ma’ Fiona Briffa, tista’ żżur is-sit https://briona.biz u l-paġna fuq Facebook: Be Healthy Malta.

Ekonomija

Sport