Thursday, March 28, 2024

“Xi kultant qisu la għandek il-kanċer l-aqwa li jżommuk ħaj u daqshekk”

Il-kanċer, is-saħħa mentali u s-sesswalità … taboo tripplu

Anthea Cachia
Anthea Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Dan il-sit iltaqa’ ma’ Anna Catania, counsellor li tispeċjalizza fuq koppji, is-sess u r-relazzjonijiet. Waħda mid-diversi rwoli vitali tagħha hija wkoll li toffri għajnuna lil dawk il-koppji, eterosesswali u tal-istess sess, li l-ħajja laqqagħthom mal-kanċer. 

Min hi Dott. Catania?

“Għall-ewwel bdejt naħdem il-klinika tal-kanċer tas-sider bħala infermiera. Imbagħad għamilt Masters in counselling. Fl-aħħar ħames snin li għamilt il-klinika bdejt noffri s-servizzi tiegħi ta’ konsulenta għal nisa ddijanjostikati bil-kanċer tas-sider u anke għall-irġiel,” irrakkontat Catania. 

Żiedet tgħidli hija taħdem mill-qrib mal-Europa Donna – The European Breast Cancer Coalition, għaqda mhux governattiva (NGO) li tgħin, tagħti s-sostenn u teduka lil dawk kollha affetwati, b’mod dirett u inidrett bil-kanċer tas-sider. 

“Bħala grupp ta’ survivors, jiena dejjem ngħidilhom li tistgħu tagħmlu inthom mal-pazjent, jien qatt ma nista’ nagħmlu bħala professjonista”

Tgħid li l-Europa Donna, li ilha toffri s-servizz ta’ counselling għal dawn l-aħħar snin. Tajjeb li wieħed ifakkar li din il-kommunità hija ffurmata min-nisa li għaddew jew kienu għaddejin minn trattament tal-kanċer tas-sider u joffru s-servizz ta’ helpline 24/7. 

“Ġeneralment jirċievu numru ta’ telefonati għal bżonnijiet ta’ sapport jew min-nisa li għadhom kif ġew iddijanjostikati jew minn qraba eċċ. Però xi kultant ikollhom bżonn għajnuna professjonali. Forsi mhux jaċċettaw id-dijanjożi, forsi kawża ta’ trattament diffiċli ħafna, forsi għax jikkawża ħafna ansjetà, forsi minħabba diffikultà fir-relazzjonijiet eċċ. Umbad noffrulhom dawn is-sessjonijiet, imħallsin mill-Europa Donna biex ngħinuhom jgħelbu kull diffikultà,” spjegat il-counsellor. 

Il-kanċer lil pazjent biss tolqot? U b’liema mod?

Anna spjegat li, kemm mir-riċerka personali tagħha u riċerka ġenerali, ilkoll jindikaw li mhux il-persuna biss li tiġi affetwatha iżda l-familja kollha. 

“Jiena naħdem ħafna ma’ individwi u ma’ koppji. Filfatt ftit wara li bdejt naħdem f’dan is-servizz ħassejt il-bżonn li nispeċjalizza fuq it-terapija ta’ relazzjonijet u anke dawk sesswali. Dan għaliex il-kanċer u t-trattament tiegħu jaffettwa ħafna b’mod qawwi r-relazzjonijiet tagħna kemm ta’ ħbiberija, kemm relazzjonijiet intimi,” kompliet tispjega.

Il-professjonista f’dan il-kamp saħqet li t-trattament innifshu huwa sfida kbira. Tgħid kif il-kura għal din il-marda tikkawża problemi ta’ dehra fiżika, vaginal dryness, nuqqas ta’ libido u aktar fost l-oħrajn. 

Il-kumplikazzjonijiet bejn il-koppja jkomplu jinħolqu għax, “huwa suġġett diffiċli mmens biex tiddiskutih allura l-koppja tibda tħossha li għandha tipproteġi l-xulxin u l-partner ma jibda’ jgħid xejn quddiemu/a biex ma jinkwetahiex/tinkwetahx. Sadanittant, il-partner li għaddejja mill-kura tgħid; “ule jien se noqgħod ngħidilhom kemm jien għajjiena jew muġugħha?!” allura ma jitkellmux,” qalet hija. Dan filwaqt li spjegat kif it-terapija tgħin ħafna għax toffri spazju biex dawn il-konverżazzjonijiet jistgħu isiru, anke b’mod individwali. Għaldaqstant tgħid li tħoss li huwa ġeneruż ħafna li l-Europa Donna toffri dan is-servizz għax qiegħda tipprovdi dan l-ispazju tant bżonnjuż. 

Tgħid iżda li xi kultant tibża’ li meta persuna tiġi iddijanjostikata b’kanċer, nikkonċentraw wisq fuq li nfejquha b’mod mediku u ninsew li l-kura u d-dijanjożi qegħdin jaffettwaw il-ħsieb, l-emozzjonijiet, ir-relazzjonijiet u wkoll il-kwalità ta’ ħajja in-ġenerali. 

“Int mhux se tgħid li neħħejt tumur u batthom lura d-dar.  Jien din naraha u nħossa ta’ spiss ħafna madwari. Li għandna bżonn huwa li nagħtu sapport aktar ħolistiku,” qalet il-professjonistà filwaqt li enfasizzat li kemm it-trattament u l-operazzjonijiet, fejn meħtieġ, huma importanti mmens għall-fejqan. 

Miżżewġin jew f’relazzjoni. X’jinbidel wara d-dijanjożi?

Għal dan hija wieġbet b’reqqa u spjegat kif l-ewwel nett, fil-bidu meta persuna tiġi ddijanjostikata, jkun hemm xokk. “Kemm ix-xogħol tiegħi u kemm ir-riċerka tindika li l-ewwel ikun hemm biża kbira sakemm toħroġ ir-riżultat, jiġifieri mill-mument li ssib boċċa sal-mument li jgħidulek dik il-boċċa x’inhi huwa żmien ta’ twerwir, nuqqas ta’ rqad, ta’ ‘min jaf?’ jew ‘u le dik mhi xejn!’ jew ‘le tista’ tkun ħafna’.”

Tkompli tispjega kif ġaladarba tiġi ddijanjostikata jkun hemm xokk u ħafna deċiżjonijiet jridu jsiru f’qasir żmien. Wieħed irid jiltaqa’ mal-kirurgu, onkoloġista, wieħed irid jara jekk hux se jibda’ bil-kimoterapija jew bl-operazzjoni, tara kif it-trattament hux ser jaffetwalek ħajtek, “… it-tfal ‘min ser joħodhom l-iskola?’, ‘kif se jsibu borma lesta x’ħin jiġu biex jieklu? Anke jekk għandek it-tifel jew tifla ser jiżżewweġ eċċ.” 

“Jiena kelli pazjenti li ma tkellmux li sabu boċċa għax kien ġej it-tieġ tat-tifla. Kif għadda t-tieġ, il-boċċa kienet tripplat u tkellmu dak iż-żmien, wara sena jew wara tmien xhur li ħassewha.”

Madankollu hija temmen li jekk relazzjoni tkun b’saħħitha, irrispettivament mill-ġeneru, jaffaċċjawha flimkien bħala koppja u r-relazzjoni tiġi iżjed b’saħħitha wara li jispiċċa t-trattament u wara l-proċess kollu. F’relazzjonijiet fejn is-sitwazzjoni diġà hija waħda mhux stabbli u diġà hemm problemi, ħafna drabi d-dijanjożi tal-kanċer tkun iċ-cherry on the cake. 

“Għalhekk dejjem nenfasizza l-importanza tal-kommunikazzjoni. Jekk dawn l-affarjiet jibqgħu jikbru jpoġġu l-koppja f’punt li ma jibqgħux jikkomunikaw u ma jibdewx isibu affarjiet komuni fuq xiex jitkellmu aktar,” tenniet il-counsellor. 

Il-kanċer u l-vjolenza domestika

“Jekk ikun hemm il-vjolenza domestika f’relazzjoni u int tiġi ddijanjostikata bil-kanċer, ħafna drabi jaraw dak kollu li għaddejin minnu fil-preżent f’ħajjithom u jgħidu, “jien se nibqa’ f’din is-sitwazzjoni?’, qalet hija. 

U l-Covid-19?

Tgħid kif bil-pandemija nħolqu problemi kbar għax ma setgħux jiġu akkompanjati għat-terapija, għar-riżultati jew għal kimoterapija. “Dik kienet iebsa ħafna li inti tmur Sir Anthony Mamo (SAMOC) waħdek, allavorja jiffurmaw sens ta’ kommunità bejniethom il-pazjenti. Imma il-fatt li ma jkollokx il-qraba miegħek għas-sostenn u ma’ min tgħid kelma, f’din is-sena u nofs, kienet iebsa ħafna għal pazjenti li għaddejin bil-kanċer.”

Catania aċċennat għall-fatt li ċertu pazjenti ma setgħux jitilgħu l-Ingilterra għal ċertu trattamenti, mhux fuq il-kanċer tas-sider speċifikament  biss iżda fuq tipi ta’ kanċer oħra wkoll.

Ġeneru u reazzjoni differenti

Hija kompliet tispjega li minkejja li din il-marda nassoċjawha ma’ pazjenti nisa, “u allura nassoċjawha ma’ pink disease, lir-raġel tneħħilu l-maskulinità tiegħu għax ħafna drabi tarha fin-nisa. Meta jkollok kanċer tal-proposta tgħid, “int raġel”, imma jekk ikollok kanċer tas-sider, fejn imur moħħ? ‘Fil-mara’”

Tgħid li, għalkemm din nassoċjawha bħala marda tan-nisa, Malta tara bejn  sitta u tmien irġiel iddijanjostikati  bil-kanċer tas-sider u l-esprjenza tagħhom hija differenti minn ta’ mara. 

“Jiena nara koppji li huma tal-istess sess ukoll. Nara koppji eżempju; żewġ nisa li waħda minnhom ġiet iddijanjostikata bil-kanċer tas-sider jew żewġt irġiel li wieħed kien iddijanjostikat bil-kanċer tal-prostata,” qalet hija. 

Hija stqarret ma’ din il-gazzetta kif il-mod ta’ kif raġel, b’mod ġenerali, jirreaġixxi għal xi ħaġa hekk ferm differenti mill-mod ta’ kif mara tirreaġixxi. 

“L-irġiel, speċjalment fil-kultura Maltija u Mediterranja, huma assoċjati mal-idea li, ‘jiena raġel u dan ifisser li ma nitkellimx fuq emozzjonijiet, li nżomm kollox ġewwa. Le mhux se nibki u jien irrid inkun b’saħħti biex il-partner tiegħi jimxi ‘l quddiem.’ Anke hawn Malta għad għandna din il-mentalità,”spjegat il-professjonista.

Lil hinn mill-kanċer, b’mod ġenerali, f’pajjiżna, l-irġiel li jagħmlu suwiċidju huwa ħafna akbar. “Qed nitkellmu 80% irġiel, 20% nisa. Għax l-irġiel mhumiex mgħallmin minn età żgħira jkunu emotionally literate u dik tista’ tilgħab il-parti tagħha f’meta jkun hemm dijanjożi ta’ kanċer.”

Kif nistgħu nerġgħu inqabbdu l-fjamma bejn il-koppji?

“Minn aspett sesswali u ta’ intimità aħna nitkellmu, fuq dik imsejjħa, re-negotiating the sexual relationship. Xi tfisser din? Tfisser li inti ġismek jgħaddi minn ħafna bidla. Jekk kien kanċer tas-sider, bil-kimoterapija waqalek xagħrek. Din xi ħaġa li jiena ixxukjajt ruħi meta kellmuni l-pazjenti. Mhux ix-xagħar biss jaqa’ iżda kollox ta’ kullimkien. Ħafna pazjenti jibdew iħossuhom qishom tfal. Id-dehra tal-ġisem tinbidel kompletament,” wieġbet hija. 

B’hekk hija terġa tqajjem il-punt u l-ħtieġa tal-kommunikazzjoni, għax ħafna drabi l-intimità tieqaf. 

Hija temmet tgħid li, “sfortuntament, hawn taboo. Il-kanċer diġà huwa  taboo. Kanċer u saħħa mentali taboo doppja. Kanċer, saħħa mentali u sesswalità taboo trippla. Għax qisu la għandek il-kanċer l-aqwa li jżommuk ħajj u daqsekk. Xi kultant dik hi l-mentalità anke ta’ professjonisti fil-kura tas-saħħa, sfortunatament.” 

Ekonomija

Sport