Il-Coppa Italia tista’ tgħaddi minn bidla sinifikanti mill-istaġun 2027/28, hekk kif qed tiġi kkunsidrata proposta biex il-kompetizzjoni tinfetaħ għal aktar clubs u ssir aktar kompetittiva, fuq il-mudell tal-FA Cup Ingliża.
Il-proposta tal-Lega Serie A tinkludi żieda minn 40 għal 56 team, b’20 club mis-Serie A, 20 mis-Serie B u 16 mis-Serie C.
L-ewwel fażi tkun tinvolvi 48 team, filwaqt li t-tmien clubs li jispiċċaw fl-ewwel tmien postijiet tas-Serie A jikkwalifikaw direttament għar-round tal-Aħħar 16.
Bidla oħra importanti hija li s-semi-finali jintlagħbu f’partita waħda minflok fuq żewġ konfronti, bħalma jsir bħalissa. B’hekk, ir-rounds kollha eliminatorji, inkluża l-finali, jintlagħbu fuq partita waħda.
Il-proposta tinkludi wkoll protezzjoni għat-timijiet tat-tieni kategorija tal-clubs, biex ma jiltaqgħux mal-ewwel team tagħhom qabel il-finali.
Il-format il-ġdid għadu mhux approvat, hekk kif id-deċiżjoni finali tiddependi wkoll min-negozjati dwar id-drittijiet televiżivi għall-perjodu 2027-2030.




