Sunday, April 19, 2026

Inawgurat Ċentru għas-Servizzi tas-Saħħa fir-Rabat, Għawdex

Aqra wkoll

Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela inawgura Ċentru għas-Servizzi tas-Saħħa fil-qalba tar-Rabat, Għawdex. 

Ġie spjegat kif dan iċ-ċentru, li qabel kien iservi bħala l-klinika ewlenija tal-kura primarja, issa ġie rinnovat biex jilqa’ fih żewġ kliniċi tal-podjatrija u uffiċċju għas-saħħa regolatorja.

Fil-fatt, il-Ministru Jo Etienne Abela qal kif illum qed titwettaq wegħda oħra bl-introduzzjoni f’Għawdex tal-Uffiċċju tal-Awtorità tal-Istandards għall-Persuni Anzjani, l-OPSA, u l-Uffiċċju għas-Supretendenza tas-Saħħa Pubblika. 

Dr Abela qal kif f’Għawdex, il-bżonn għas-servizz ta’ podjatrija dejjem qed jikber. Spjega li f’sena t-tim Għawdxi jara ’l fuq minn 14,000 pazjent. Għalhekk, ir-rilokazzjoni ta’ dawn il-kliniċi ħa ttejjeb is-servizz offrut, filwaqt li toħloq aktar spazju għal servizzi radjografiċi fil-Klinika tal-Kura Primarja fir-Rabat, Għawdex.

“Dan iċ-ċentru huwa riżultat tal-ħidma tal-Gvern lejn il-Viżjoni 2050. Ħa nkomplu nwasslu aktar servizzi tas-saħħa viċin l-Għawdxin. Ser inkomplu noffru servizzi tal-ogħla livell u nkomplu nintroduċu servizzi ġodda biex pazjenti Għawdxin ikomplu jingħataw aktar kura f’Għawdex stess”, temm jgħid Dr Abela.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Kura Primarja Karl Farrugia qal, kif dan iċ-ċentru ser jgħin biex mill-14,000 pazjent Għawdxi tal-podjatrija fis-sena, mal-5,000 persuna ser jibdew jingħataw kura minn dan iċ-ċentru. Temm jgħid kif dan ser jgħin biex aktar pazjenti jinqdew mill-komunità b’servizz aktar spedit.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport