Sunday, April 19, 2026

Il-Gvern Malti b’politika konsistenti li toffri stabbiltà

Segwit kontinwament dak kollu li għaddej… Il-fornituri qegħdin iwaslu l-provvisti kif miftiehem

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

IL-KRIŻI INTERNAZZJONALI FIL-PREZZIJIET U L-PROVVISTA TAL-FJUWIL…

F’nofs tensjonijiet ġeopolitiċi serji li qegħdin jitfgħu dell fuq is-swieq tal-enerġija u jġibu magħhom inċertezza ġdida fil-provvista tal-fjuwil, pajjiżna qiegħed jieħu deċiżjonijiet strateġiċi li jagħmlu differenza diretta fil-ħajja taċ-ċittadini. 

F’dan il-kuntest, IT-TORĊA kellem lill-Ministru għall-Enerġija, Miriam Dalli fejn saħqet kif, “il-Gvern Malti għal darb’oħra qiegħed joffri stabbiltà quddiem is-sitwazzjoni ta’ sfida internazzjonali. Dan ma jfissirx li Malta ma tistax tkun impattata mill-effetti ta’ dak li qiegħed jiġri. In-nies mhumiex iħossu ċerti effetti, bħal dawk fil-prezzijiet tal-enerġija, riżultat tal-politika konsistenti tal-Gvern li joffri stabbiltà”. 

F’din l-intervista nidħlu fid-dettal dwar kif pajjiżna qiegħed jinnaviga dawn l-isfidi, minn sigurtà tal-provvista sa stabbiltà fil-prezzijiet. Tingħata ħarsa mill-qrib lejn il-miżuri li qegħdin jittieħdu biex Malta tibqa’ reżiljenti quddiem kriżijiet internazzjonali preżenti, kif ukoll lejn l-impenn tal-Gvern biex jipproteġi lill-familji u lin-negozji minn żidiet qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija. Fl-istess waqt, tingħata wkoll ħarsa lejn il-viżjoni fit-tul: investiment f’enerġija nadifa, diversifikazzjoni tas-sorsi u użu aktar responsabbli tar-riżorsi.

Strateġija li tagħti garanzija ta’ provvista

Il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli bdiet billi assigurat li “quddiem din is-sitwazzjoni il-Gvern u l-entitajiet tiegħu qegħdin isegwu kontinwament dak li għaddej inkluż b’rabta mall-provvisti tal-enerġija, b’kull entità ssegwi u tħaddem l-pjanijiet li għandha fis-seħħ. Bħalissa, il-fornituri mqabbda qegħdin iwasslu l-provvisti kif miftiehem u qegħdin jonoraw il-kuntratti li għandhom b’mod konsistenti”. 

Mistoqsija dwar il-livelli tal-ħażna taż-żejt, il-Ministru Dalli qaltilna li l-Enemed tista’ tikkonferma li l-kuntratti ta’ provvista ta’ fjuwils u d-dati ta’ meta jiġu l-vapuri jħottu l-fjuwils qegħdin jinżammu. “Dan, allura, qiegħed jiggarantixxi li l-poplu Malti għandu l-provvista meħtieġa. Għalkemm l-Enemed ikollha kuntratt ma’ fornitur wieħed, ma tobbligax lill-fornitur li jixtri minn kumpanija taż-zejt waħda imma dan jista’ jixtri minn fein irid, l-importanti li l-kwalità tal-fjuwil tilħaq il-livelli meħtieġa. Dan il-metodu jsaħħaħ is-sigurtà tal-provvista. Naturalment, l-Enemed tinsab f’kuntatt kontinwu mal-fornituri tagħha biex tkompli tassigura dan is-serħan-il moħħ”.

Il-Minstru Dalli kompliet li l-policy tal-Gvern li joffri stabbiltà fil-prezzijiet qiegħda sservi biex il-konsumatur Malti ma jkunx impattat bil-prezz tas-suq. “Tajjeb li nfakkru li Malta hija l-unika pajjiż fl-Unjoni Ewropeja, fejn il-Gvern għażel li jieħu din id-deċiżjoni u jżomm magħha. Din l-stabbiltà qiegħda tintlaħaq kemm għax il-Gvern qiegħed jagħmel tajjeb għaż-żieda fil-prezzijiet – permezz tas-sussidji – kif ukoll bil-‘hedging agreements’ li l-entitajiet jagħmlu ma banek internazzjonali”. 

Malta meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra…

Hija qalet li dawn id-deċiżjonijiet strateġiċi waslu biex il-familji u n-negozji għandhom serħan il-moħħ. Elaborat li, “din id-differenza n-nies iħossuha u anke jarawha meta jaqraw u jqabblu ma’ dak li jkun qiegħed jiġri barra minn xtutna. Kemm jekk jitilgħu sa Sqallija jew pajjiżi oħra, kif jagħmlu ħafna Maltin u kemm jekk isegwu l-aħbarijiet internazzjonali – kif rajna eżempju, fl-Irlanda ix-xufiera tat-trakkijiet qegħdin jinżlu fit-toroq jipprotestaw kontra l-prezzijiet tal-fjuwil”.

Hawn il-Ministru Dalli għamlet enfasi importanti dwar l-użu responsabbli tar-riżorsi. “Kif intqal ripetutament, filwaqt li l-Gvern jibqa’ jipproteġi lill-familji u lin-negozji, l-użu responsabbli tar-riżorsi jibqa’ enfasizzat. Il-ħela jew l-użu kapriċċuż tar-riżorsi mhija tajba qatt. Dan il-prinċipju ġie enfasizzat f’perjodi passati anke b’kampanji nazzjonali u l-messaġġ ġie ripetut f’dawn l-aħħar ġimgħat, anke waqt dehriet u avvenimenti pubbliċi. Barra minnhekk, it-tnedija ta’ skemi li jassistu fl-użu effiċjenti tal-enerġija u l-enerġija nadifa, ikomplu jsaħħu dan il-prinċipju”.

Finlment hija fakkret li l-Gvern Malti jippromwovi programmi li jgħinu lill-bini jikkonsuma inqas enerġija, jipprovdi inċentivi għall-familji u l-NGOs li jinvestu f’sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bħall-pannelli tax-xemx u joffri appoġġ immirat għan-negozji biex jadottaw teknoloġiji aktar nodfa u effiċjenti.

“L-istrateġija għal pajjiżna f’dan il-qasam hija waħda proattiva: insaħħu r-reżiljenza ta’ Malta għal xokkijiet esterni potenzjali billi ninvestu fid-diversifikazzjoni tal-enerġija, niżviluppa l-infrastruttura u ntejbu l-effiċjenza,” temmet b’ton deċisiv il-Ministru għall-Enerġija, Miriam Dalli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport