Sunday, April 19, 2026

“Jekk ma tkunx miegħi, ma tkun ma’ ħadd” – mixli li hedded l-eks mara

Aqra wkoll

Libjan ta’ 32 sena residenti Birkirkara ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li kien akkużat b’theddid fil-konfront tal-eks mara li magħha għandu tifla ta’ sena u 10 xhur.

Il-Prosekuzzjoni spjegat quddiem il-Qorti li fis-17 ta’ April il-Pulizija rċiviet rapport mill-mara li allegat li l-eks raġel tagħha  wa waqafx iċemplilha, jheddidha u jinsulentaha bi kliem bħal “kemm int kelba” u “jekk ma tkunx miegħi, ma tkun ma’ ħadd”.

Allegat li hu daħal fil-mobile tagħha mingħajr kunsens u bagħtilha kopja tal-messaġġi li kellha ma’ ħabiba tagħha.

Quddiem dawn l-akkużi l-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi bid-difiża tgħid li l-imputat xtaq jagħmel rapport fil-konfront tal-allegat vittma. Id-difiża qalet li l-ġlied u l-insulti kienu ġejjin min-naħa tagħha wkoll.

Id-difiża qalet ukoll li l-imputat kien għamel telefonata lill-Pulizija biex jgħinuh, iżda meta sar jaf li kien se jkollu jitla’ l-Qorti, waqqaf kollox.

Il-Maġistrat Lara Lanfranco semgħet ix-xhieda ta’ missier l-imputat li qal li ilu jgħix f’Malta għal dawn l-aħħar 40 sena. Qal li hu lest li jżomm lil ibnu miegħu u lest ukoll jgħin fl-aspett tat-tifla.

Kien hawn li d-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest fejn argumentat li l-każ jinvolvi prinċipalment argumenti verbali, xi ħaġa qalet li jkollha kull koppja f’relazzjoni. Żiedet ukoll li l-imputat għandu fedina penali kważi netta.

Din it-talba sabet l-oġġezzjoni għal din it-talba, b’mod partikolari minħabba li d-dar tal-koppja u d-dar tal-missier, fejn se jmur joqgħod l-imputat, huma fl-istess triq.

Il-Qorti wara li semgħet liż-żewġ naħat laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet osthom li jiffirma l-għassa ta’ Birkirkara kuljum, li ma jikkomunikax mal-allegata vittma u max-xhieda tal-prosekuzzjoni u li jidħol id-dar f’ħin stipulat.

Imponiet ukoll depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €6,000 waqt li ħarġet ordni ta’ protezzjoni, ordni proviżorja kif ukoll ordni ta’ trattament wara li ġie nnutat li l-imputat għandu problema relatata mal-użu tal-alkoħol u d-droga.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport