Waqt attività politika fil-Qrendi, il-Kap Nazzjonalista Dr Alex Borg qal li l-Gvern qiegħed jivvinta l-kriżijiet biex ikun jista’ jsejjaħ elezzjoni ġenerali. “Kważi kważi bdew jgħidu li hawn kriżi ġo pajjiżna minħabba l-gwerra li għaddejja bħalissa… għidli int Malta, pajjiż newtrali x’għandha x’taqsam,” qal Dr Borg.
Bi ftit udjenza quddiemu, il-Kap tal-PN qal li Gvern Laburista qiegħed jimxi ġurnata b’ġurnata u mhux qiegħed jippjana għall-futur. Qal li dan kollu qiegħed joħloq sitwazzjoni ta’ inċertezza kbira fil-pajjiż, apparti l-fatt li fi kliemu stess “il-Prim Ministru Abela qiegħed kontinwament jilgħab bid-data tal-elezzjoni.”
Dr Borg stqarr li tiġi meta tiġi l-elezzjoni ġenerali, il-Partit Nazzjonalista jinsab lest u konvint li se jkun qiegħed jirbaħ din it-tellieqa.
Fl-istess attività politika, Dr Borg tkellem ukoll dwar Għawdex. Qal li fl-aħħar ħames snin qatt ma sar xejn f’din il-gżira. “Issa jekk tmur Għawdex tara nofs it-toroq maqlugħin. Allura ngħid jien issa bdew jitranġaw it-toroq hekk kif ninsabu fuq l-għatba tal-elezzjoni?,” staqsa l-Kap Nazzjonalista.
Il-kelliem f’diskors li nofsu kien dwar l-elezzjoni ġenerali qal li mhux ġust li l-Prim Ministru jiddeċiedi hu meta tisejjaħ l-elezzjoni ġenerali minħabba li toħloq ħafna inċertezzi. Qal li bih Prim Ministru l-affarijiet ma jibqgħux hekk. Kien hawn li ppropona li f’Malta tiddaħħal is-sistema li hemm fost l-oħrajn fl-Istati Uniti fejn fil-bidu tal-leġiżlatura titħabbar id-data tal-elezzjoni ġenerali ta’ 5 snin wara.
Tenna li minħabba l-elezzjoni hemm ħafna koppji li se jiżżewġu li huma f’inċertezza kbira. “Ħafna u ħafna koppji għamlu kuntatt miegħu u jistaqsuni jekk fid-data tat-tieġ tagħhom hu se tkun l-elezzjoni,” kompla jgħid il-Kap Nazzjonalista.
Intant fl-istess diskors Alex Borg ħabbar li fil-jiem li ġejjin se tkun qiegħda titressaq Private Member’s Bill fil-Parlament biex tiġi indirizzata l-problema tas-solitudni. Qal li meta jkun Prim Ministru se jkun qiegħed jaħtar Ministru apposta dwar dan is-suġġett u s-saħħa mentali.

