Friday, November 1, 2024

Inawgurat Ċentru tal-Anzjanità Attiva ġdid fil-Fgura

Aqra wkoll


 
L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC) iffirmat ftehim mal-Kunsill Lokali tal-Fgura għall-provvista ta’ sala fil-binja tal-Kunsill stess li se tintuża bħala ċentru għall-anzjanità attiva. Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kien hemm is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, u membri tal-Kunsill Lokali tal-Fgura.

Dan iċ-ċentru fil-Fgura se jkun qed joffri varjetà ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja, taħditiet edukattivi, u attivitajiet oħra li jħeġġu l-interazzjoni soċjali fost l-anzjani tal-lokal.

Sal-lum, f’Malta u Għawdex hawn 31 Ċentru tal-Anzjanità Attiva, b’total ta’ 2,053 membru attiv. L-għan ewlieni ta’ dawn iċ-ċentri huwa li joffru spazju li fih l-anzjani jistgħu jiltaqgħu, jissoċjalizzaw, u jibqgħu attivi, b’varjetà ta# attivitajiet li jinkoraġġixxu t-tagħlim kontinwu u l-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà. Wara kull attività, l-anzjani jkollhom il-ħin biex jieħdu kafè flimkien, jikkomunikaw u jaqsmu esperjenzi, li tgħin biex jitnaqqas is-sentiment ta’ solitudni.

Is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea qal, “Kommessi li nipprovdu l-aħjar ambjent possibbli biex l-anzjani tagħna jibqgħu attivi u involuti fis-soċjetà. Iċ-ċentru ġdid fil-Fgura huwa eżempju ċar ta’ kif qed naħdmu biex nippromwovu anzjanità attiva u involviment komunitarju fost l-anzjani, li huwa kruċjali biex tiġi żgurata l-kwalità tal-ħajja tagħhom u tonqos is-solitudni.”

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li l-Gvern jemmen bi sħiħ fl-importanza tal-inklużjoni u l-anzjanità attiva fost l-anzjani li għadhom jgħixu fil-komunità. Hija faħħret dan il-ftehim li permezz tiegħu ser ikunu qed joffru lill-anzjani tal-Fgura ċentru ta’ matul il-jum fejn jiltaqgħu u jissoċjalizzaw flimkien. 

Iċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva fil-Fgura se jkun miftuħ kull nhar ta’ Tlieta, mit-8:00am sas-2:00pm. Għal aktar informazzjoni dwar dan iċ-ċentru jew servizzi oħra offruti mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, wieħed jista’ jikkuntattja ċ-Ċentru Servizz Anzjan fuq 22788900, jew iżur l-uffiċini f’Triq Żekka, il-Belt, jew iżur is-sit aacc.gov.mt. F’Għawdex wieħed jista’ jikkuntattja ċ-Ċentru Servizz Anzjan fuq 22788238 jew iżur l-uffiċini f’Triq ir-Repubblika, ir-Rabat, Għawdex. Informazzjoni tista’ tinkiseb ukoll permezz tal-freephone 153.
 

Sport