Saturday, October 26, 2024

Inawgurat childcare centre fil-Qawra li se jibda jilqa’ 100 tifel u tifla

Aqra wkoll

Id-dinja tal-lum iddur mat-teknoloġija u kull tifel u tifla għandhom ikollhom aċċess għal għodod teknoloġiċi edukattivi. Għalhekk, filwaqt li l-gvern qed jestendi l-inizjattiva one-tablet-per-child, kif tħabbar fil-Budget, mis-sena skolastika li ġejja se jitqassmu laptops ġodda lil kull student fis-seba’ sena.

“Dan huwa investiment massiv f’uliedna ta’ €50.5 miljun fuq perjodu ta’ bejn ħames u seba’ snin li minnu se jgawdu 32,074 student”, qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima meta inawgura childcare centre ġdid privat, Happy Trails Childcare Centre. Dan iċ-childcare centre fil-Qawra se jilqa’ fih 100 tifel u tifla u mistenni jimpjega mal-20 persuna. Waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru Grima kompla jelenka għal miżuri tal-Budget u spjega li s-somma ta’ investiment f’għodda ġdida għall-istudenti tas-sekondarja tinkludi l-laptops, il-kontenut diġitali u fuq kollox taħriġ lill-edukaturi.

Huwa fakkar li kien Gvern Laburista li daħħal l-inizjattiva taċ-childcare, li permezz tagħha bbenefikaw bosta familji fosthom nisa li riedu jkomplu għaddejjin bil-karriera jew bl-istudju tagħhom, li maż-żmien twessgħet biex takkomoda r-realtajiet tad-dinja tal-lum. Il-Ministru Grima qal li l-prijorità fl-edukazzjoni qed tingħata minn età bikrija u tibqa’ għaddejja sakemm l-istudent isib postu fid-dinja tax-xogħol. Dan il-budget mhux biss qed jinvesti somma bla preċedent ta’ €846 miljun fis-setturi fi ħdan il-ministeru, imma qed jara wkoll li jilħaq lil dawk li l-aktar li għandhom bżonn.

“Huwa budget li jkompli jindirizza l-infrastruttura edukattiva, għaliex se nkomplu għaddejjin bi proġetti, fosthom l-iskola ta’ Ħal Għaxaq, fl-iskola tal-Imsida u tal-primarja fir-Rabat Malta, il-bini ta’ kumpless sportiv fl-iskola ta’ Santa Luċija u jitkompla x-xogħol fuq l-iskola tan-Nadur f’Għawdex”, spjega l-Ministru Grima.

Bħalissa l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada għandha programm estensiv ta’ proġetti għaddejjin li jlaħħaq is-27 proġett b’investiment ta’ madwar €136 miljun.

Il-ministru għall-edukazzjoni qal li t-taħriġ huwa importanti u fil-fatt €10 miljun qed jiġu vvutati għal programmi ta’ taħriġ, li huwa investiment ieħor dirett fl-istudenti u li permezz tiegħu se jkomplu jissaħħu l-programmi eżistenti ta’ boroż ta’ studju u tax credits għal dawk l-istudenti li jixtiequ javvanzaw bl-istudji tagħhom fil-livell ta’ Masters u Dottorat, anke permezz ta’ fondi taħt il-Fond Soċjali Ewropew. Għalhekk se jissaħħu l-iskema tal-Youth Guarantee kif ukoll l-iskemi ta’ taħriġ bħat-Training for Employment u Investing in Skills u l-iskemi Access to Employment u Vaste.

Fi tmiem l-inawgurazzjoni taċ-childcare centre, il-Ministru Clifton Grima awgura lill-amministrazzjoni ta’ dan iċ-ċentru għall-ħarsien tat-tfal u fakkar li l-gvern se jibqa’ jsostni l-istudenti u l-edukaturi permezz ukoll ta’ żidiet fl-istipendji u bidu ta’ taħditiet għal ftehim settorali ġdid għall-edukaturi li l-għan warajh se jkun li jkompli jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol.

Sport