Sunday, November 24, 2024

Inawgurat dog park u picnic area ġdida f’Ħal Safi

Aqra wkoll

Sit li ma kienx jintuża fiż-żona Ta’ Ġawhar f’Ħal Safi nbidel f’żona għall-picnics u park tal-klieb, permezz ta’ investiment ieħor fil-komunità. Dan ix-xogħol sar b’ħidma konġunta bejn Project Green u Ambjent Malta flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Safi.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said, il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green Steve Ellul, is-Sindku ta’ Ħal Safi Johan Mula u rappreżentanti tal-Kunsill Lokali, żaru dan l-ispazju ġdid.

Fi spazju ta’ madwar 1,000 metru kwadru, ix-xogħol li sar jirrifletti l-impenn lejn is-sostenibbiltà. It-tagħmir ġdid f’dan il-park, fosthom il-bankijiet u l-imwejjed tal-picnics, huma magħmulin minn materjal sostenibbli, filwaqt li d-dawl u l-kameras tas-sigurtà jieħdu l-enerġija mix-xemx permezz ta’ pannelli solari. 30 siġra indiġena ġdida u 40 arbuxell li tħawlu se jissaqqew bl-ilma tax-xita maħżun f’ġibjun ġdid li Project Green bniet bħala parti minn dan l-investiment. Inbena wkoll ħitan tas-sejjieħ u ċnut ġodda, biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-viżitaturi.

Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li dan is-sit, li kien mitluq u mtela b’kull tip ta’ skart mormi illegalment, issa huwa spazju miftuħ ieħor għar-residenti tal-inħawi.

“Qed naħdmu biex niftħu aktar spazji fil-lokalitajiet kollha, filwaqt li nirriġeneraw u ntejbu dawk eżistenti. Impenjati biex kull proġett ikun wieħed ta’ kwalità, aċċessibbli u sostenibbli. Project Green qed taħdem mill-qrib ma’ dawk kollha konċernati sabiex dawn l-ispazji miftuħa jissodisfaw il-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet differenti tal-komunitajiet tagħna. F’dan il-każ, weġibna għax-xewqa tal-komunità li jkun hemm park għall-klieb, filwaqt li noħolqu post għall-picnics li żgur se jkun popolari fost il-familji ta’ dawn l-inħawi,” qalet il-Ministru Dalli.

Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said qalet li, “Permezz ta’ dan il-proġett qed naraw spazju ta’ elf metru kwadru fejn nistgħu nieħdu l-klieb tagħna. Wara r-rispons li rċevejna mill-pubbliku dwar il-parks tal-klieb, iddeċidejna li dan il-park se jibqa’ miftuħ kemm matul il-ġurnata kif ukoll filgħaxija. Ser inkomplu naħdmu fuq dan il-mudell sabiex niftħu iżjed spazji għall-klieb.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Proġett Green Steve Ellul qal, “L-importanza tal-immaniġġjar u l-ħażna tal-ilma fil-parks tagħna huwa mod wieħed kif qed niffaċilitaw iż-żamma kontinwa tas-siġar u l-pjanti li qed inżidu f’dawn l-ispazji miftuħa, biex niżguraw li nkunu nistgħu nibqgħu ngawduhom għal ħafna snin.”

Sport