Tuesday, April 30, 2024

“Lesti li jaħdmu ma’ min għandu l-istess prijoritajiet tagħna”

- Bernard Grech, Kap tal-Oppożizzjoni

Aqra wkoll

F’għeluq il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, beda biex ammetta li 13-il xahar ilu kien hemm wara elezzjoni li għamlitu kap, okkażjoni li ġiet ġimgħat wara li l-PN ġarrab telfa elettorali oħra. F’dan id-diskors ma naqasx li għal darb’oħra jieħu l-okkażjoni biex jerġa’ jinsisti li l-unika għażla għal futur aħjar għalina hija dik bil-Partit Nazzjonalista fit-tmexxija.

“13-il xahar ilu kont hawn wara elezzjoni ta’ kap ftit ġimgħat wara li ġarrabna telfa elettorali. Wegħedtkom politika awtentika, onesta, ta’ konvinzjoni u mhux politka ta’ konvenjenza. F’dawn bdejna u rnexxielna nwettqu din il-politika ta’ awtentiċità. Il-ħidma mhux biss żdiedet, imma ssaħħet. Ħidma li flimkien ilkoll u komplejna nagħmlu kisbiet kbar għal pajjiżna,” saħaq Grech.

F’lista ma tispiċċa qatt għal eloġji fil-ħidma tiegħu bħala mexxej tal-PN b’konvinzjoni huwa qal li s-soluzzjonijiet ta’ pajjiżna jinsabu f’idejn kull min għandu rieda tajba. Skont Grech il-PN huwa partit b’ideat ċari u wiegħed li bħala partit huma lesti li jaħdmu ma’ min għandu l-istess prijoritajiet tagħhom. Kien hawn li semma’ l-prekarjat, il-livell ta’ għixien u l-mudell ekonomiku fejn saħaq li hemm bżonn li dan tal-aħħar jinbidel għal wieħed ġdid. L-istess qal għall-ambjent fejn insista li bħala poplu, “flimkien nistgħu nwelldu kwalità ta’ ħajja aħjar li tixraq lilek u lil uliedek”.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni staqsa x’hemm isbaħ milli tgħix u hawn qal li huwa fatt magħruf li l-ħajja hija l-akbar dritt li kull dritt ieħor jistrieħ fuqha. Fl-istess nifs huwa qal li f’Malta rebħet il-ħajja u nsista li Malta terġa’ tirbaħ u tibqa’ tirbaħ b’deċiżjonijiet kuraġġjużi li jwelldu fost l-oħrajn mudell ekonomiku ġdid, ġustizzja għad-drittijiet tal-individwi, għal min irid jgħix, għal min irid iwelled l-ideat tiegħu u għal dawk li jaħdmu biex jgħixu tajjeb.

Grech wissa li, “Malta terġa’ tirbaħ kull meta nifhmu u nwettqu politika tan-nies għan-nies. Il-valuri bażiċi tal-kompassjoni, tar-rispett, tal-imħabba, tal-ġustizzja soċjali, tal-bżulija, tal-użu bil-għaqal tal-flus, tal-apprezzament għall-ħiliet ta’ kulħadd imma fuq kollox tal-umiltà li turina li t-triq ‘il quddieem hija biss flimkien”. Kien hawn li l-Kap tal-Oppożizzjoni rriklama lill-PN bħala l-partit li jagħmel il-ġid fejn irid iwettaq bennien għall-aspirazzjonijiet tagħna u tal-ġenerazzjonijiet preżentt, kif ukoll dawk futuri.

Min-naħa tiegħu l-Kap tal-PN għalaq billi qal li fil-mument li l-poplu jagħmel dan, għażla waħda għandu – il-Partit Nazzjonalista li skont huwa dejjem ħadem u stinka biex kulħadd jimxi ‘l quddiem, biex ħadd ma jibqa’ lura u biex kulħadd ikun l-aħjar verżjoni tiegħu.

Matul l-elezzjoni fil-Kunsill Ġenerali tal-PN li kellha t-tema “Niġġeddu għal Pajjiżna” ivvotaw total ta’ 68.4% minn dawk eleġibbli li jivvutaw u l-membri eletti kienu: Michael Piccinino, Francis Zammit Dimech, Leone Sciberras, Mario Rosso, Joseph Mark Grech, Michael Fenech Adami, Veronica Perici Calascione, Roberta Bonello Felice, Michela Dalli, Doris Apap, May Bartolo u Jacqueline Higgins.

Sport