Tuesday, December 24, 2024

Inawgurat iċ-Ċentru Nazzjonali tat-Tossikoloġija

Aqra wkoll

Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela inawgura ċentru ġdid tat-tossikoloġija.

Il-Ministru Abela saħaq fuq l-importanza li pajjiżna jkun mgħammar b’ċentru ddedikat għat-tossikoloġija, hekk kif meta jkun hemm każ ta’ avvelenament il-persuna jkollha bżonn kura immedjata u speċjalizzata. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tistma li f’sena waħda, l-avvelenament mhux intenzjonat jikkawża aktar minn 100,000 mewt fid-dinja.

Huwa spjega li ċ-Ċentru Nazzjonali tat-Tossikoloġija u l-istaff multidixxiplinarju tiegħu se jkunu qed joffru trattament lill-pazjenti li jkollhom bżonn is-servizz tagħhom, mingħajr il-bżonn li jmorru f’dipartimenti tal-emerġenza f’Malta u Għawdex. Se jkunu qed iżidu wkoll l-għarfien dwar il-prevenzjoni ta’ intossikazzjoni.

“Grazzi għal dan iċ-Ċentru qegħdin inwettqu miżura elettorali oħra li tħares is-saħħa tal-pazjenti f’pajjiżna. Impenjati li nkomplu naħdmu biex dan is-servizz ikompli jitwessa’ u jilħaq aktar nies,” tenna jgħid il-Ministru Abela.

Il-Ministru ħabbar ukoll li mil-lum il-pubbliku jista’ jċempel fuq in-numru 1774 sabiex jingħata assistenza professjonali dwar it-tossikoloġija.

Id-Direttur Ġenerali tas-Saħħa Dr Clarence Pace spjega kif il-professjonisti li ser jkunu qed imexxu dan iċ-ċentru, ser ikunu qed ikomplu jitħarrġu u jagħmlu riċerka fl-Università ta’ Malta. “Dan iċ-Ċentru f’pajjiżna se jkun kruċjali kemm għall-professjonisti li jaħdmu fis-settur tas-saħħa kif ukoll għall-pubbliku. Kommessi li naraw dan iċ-ċentru jkompli jespandi biex ikun punt ta’ referenza,” temm jgħid Dr Pace.

Ekonomija

Sport