Sunday, November 24, 2024

Inawgurat iċ-Ċentru ta’ Informazzjoni, Kulturali u Edukattiv

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard inawguraw iċ-Ċentru ta’ Informazzjoni, Kulturali u Edukattiv flimkien ma’ xogħlijiet oħra li saru fi Ġnien l-Istazzjon f’Ħ’Attard, b’investiment  ta’ €600,000.

Dan iċ-ċentru edukattiv jinkludi librerija, żona għall-qari, u faċilitajiet ta’ konvenjenza pubblika. Il-binja tlestiet bil-ġebla tal-franka, b’aperturi tal-injam u tal-aluminju u ġiet installata wkoll canopy tal-ħadid maħdum biex ifakkar il-bini tal-istazzjon fl-aħħar tas-seklu dsatax li serva biex jipprovdi kenn lill-passiġġieri li jistennew fuq il-parti ta’ quddiem tal-pjattaforma.

Il-Ministru Clint Camilleri spjega kif l-Awtorità tal-Ippjanar iffinanzjat madwar €200,000 għall-kostruzzjoni u t-tlestija taċ-Ċentru ta’ Informazzjoni, Kulturali u Edukattiv fi Ġnien l-Istazzjon u madwar €30,000 għall-installazzjoni ta’ kompartament tal-azzar li fih jinsab miżmum il-mudell tal-ferrovija.

“Permezz ta’ dan il-proġett, il-komunità ta’ Ħ’Attard issa se tibbenefika minn ċentru kulturali u edukattiv ġdid li jfakkar l-istazzjon tal-ferrovija li kien jeżisti f’dan il-Ġnien. Dan iċ-Ċentru mhux biss se jsaħħaħ l-esperjenza tal-viżitaturi f’dan l-ispazju miftuħ għall-pubbliku iżda se jservi sabiex il-ġenerazzjoni tal-lum u ta’ għada tkun infurmata dwar il-linja tal-ferrovija li kellna f’Malta u li parti minnha għadha teżisti qrib dan il-ġnien,” stqarr il-Ministru Camilleri.

Il-Ministru Camilleri semma wkoll kif permezz tad-Development Planning Fund tal-Awtorità tal-Ippjanar qegħdin jiġu ffinanzjati diversi proġetti komunitarji madwar Malta u Għawdex li jgawdi minnhom il-pubbliku, b’mod partikolari r-residenti u dawk kollha li jżuru l-lokalità. Huwa temm billi ħeġġeġ aktar Kunsilli Lokali sabiex joħorġu bi proġetti innovattivi li jistgħu jibbenefikaw minn dan il-fond għall-ġid tal-komunità kollha.

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli  semmiet kif dan il-proġett sar bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard u l-Awtorità tal-Ippjanar, fejn ix-xogħlijiet tmexxew mill-Kunsill Lokali stess. Hija qalet li minn dan il-proġett se tibbenefika minnu l-komunità ta’ Ħ’Attard u dawk kollha li jżuru l-lokalità, fejn issa għandhom ġnien aktar attrezzat għar-rikreazzjoni kif ukoll Ċentru ta’ Informazzjoni, Kulturali u Edukattiv ġdid.

“Kommessi li nkomplu bil-ħidma tagħna sabiex aktar kunsilli lokali jimplimentaw proġetti bħal dawn li għandhom l-għan li joffru lill-komunitajiet rispettivi spazju għar-rikreazzjoni u kif ukoll li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-komunità,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

Ġnien l-Istazzjon kien l-istazzjon prinċipali ta’ Ħ’Attard u kien jifforma parti mis-sistema tal-Ferroviji ta’ Malta (Il-Vapur tal-Art) li kienet topera bejn l-1883 u l-1931. Il-bini tal-istazzjon inqered matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Il-linja tal-ferrovija f’Malta ġiet inawgurata fit-28 ta’ Frar 1883 u kienet tibda mill-Belt Valletta sal-belt kapitali l-antika tal-Imdina f’tul ta’ kważi 7 mili. Fir-rotta kien hemm sitt stazzjonijiet li kienu l-Belt Valletta, il-Ħamrun, Birkirkara, Ħ’Attard, ir-Rabat, u l-Imtarfa. Il-ferrovija tal-passiġġieri għamlet l-aħħar vjaġġ tagħha fil-31 ta’ Marzu 1931.

Sport