Tlesta l-proġett tal-ġnien tal-Mall fil-Furjana b’investiment ta’ €4 miljun, li twettaq b’ħidma mill-Grand Harbour Regeneration Corporation (GHRC).
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-GHRC Gino Cauchi, fil-preżenza tas-Sindku tal-Furjana Vince Borg.
“Dan mhux ġnien komuni. Il-ġnien tal-Mall huwa ġnien storiku. Ġnien li ilu jeżisti mijiet ta’ snin, li minn żmien il-Kavallieri u tul is-snin dejjem kien fiċ-ċentru tal-attivitajiet u avvenimenti storiċi li seħħew f’din iż-żona tal-pajjiż. Huwa għalhekk li l-Gvern deherlu li kellu jinvesti f’dan il-proġett li permezz tiegħu l-Ġnien tal-Mall qed jingħata mill-ġdid id-dinjità li jistħoqqlu,” qal il-Ministru Farrugia.
Il-proġett jinkludi:
- Bini mill-ġdid tas-servizzi kollha meħtieġa, li ġew mgħoddija taħt l-art, bħal dawl, ilma u internet;
- Tranġar ta’ żewġ ġwiebi taħt il-ġnien;
- 7,500 metru kwadru ta’ pavimentar ġdid tal-ġnien kollu;
- Madwar 2,000 metru kwadru ta’ pavimentar ġdid tal-bankina mad-dawra tal-ġnien;
- Tranġar fiċ-ċint tad-dawra tal-ġnien;
- Manutenzjoni tal-ħadid kollhu tad-dawra tal-mall u ta’ madwar il-monumenti;
- Restawr tal-arkati fid-daħla tal-ġnien;
- Restawr tal-monumenti kollha fil-ġnien;
- Bini mill-ġdid tal-funtana inkluż l-iskultura li kollha kemm hi saret mill-ġdid;
- Sistema ġdida ta’ dawl fuq ġewwa tal-ġnien;
- Upgrading fis-sistema tad-dwal fuq il-bankina u tat-toroq madwar il-ġnien;
- Installata għall-ewwel darba sistema ta’ CCTV cameras;
- Sistema ġdida ta’ irrigazzjoni għas-siġar;
- Faċilitajiet ta’ Wi-Fi.
“Smajna wkoll lill-Kunsill Lokali u lill-Furjaniżi, li għalihom dan il-ġnien huwa ikona tal-lokalità. Fost oħrajn irrimarkaw in-nuqqas ta’ sigurtà għalihom f’dan il-ġnien, b’mod partikolari matul il-lejl. Smajna lil dawk esperti fir-restawr, li rrimarkaw il-ħtieġa li l-funtani, l-monumenti u l-ħitan jiġu restawrati. Fuq kollox ridna nkomplu nwettqu proġetti ta’ żoni maħsuba u miftuħa għall-pubbliku. Fuq kollox inħarsu ’l quddiem biex naraw dan il-ġnien jitgawda minn kulħadd filwaqt li jinżamm fi stat li jixraqlu,” qal il-Ministru. Żied jgħid li mill-15 ta’ Ottubru, il-proġett se jgħaddi għand Ambjent Malta għaż-żamma tiegħu.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-GHRC Gino Cauchi qal li, “Bħala entità qed inħarsu ’l quddiem biex inkomplu nżidu proġetti oħra f’diversi lokalitajiet li l-GHRC qed twettaq b’konformità mal-linja tal-gvern: dik li jżid u jagħti lura fi stat li jixraq, żoni pubbliċi lill-pubbliku.”