Sunday, December 22, 2024

Inawgurat il-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Pjazza Santa Margerita f’Ta’ Sannat

Aqra wkoll

Ġie inawgurat il-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Pjazza Santa Margerita f’Ta’ Sannat li hija waħda mill-ikbar spazji pubbliċi fil-gżira Għawdxija. Dan il-proġett ħares ukoll il-bżonnijiet ta’ dan ir-raħal sabiex il-pjazza tkun aktar aċċessibbli, b’żoni pedonali sabiex titgawda mir-residenti. Il-proġett twettaq mill-Ministeru għal Għawdex flimkien mal-Kunsill Lokali Ta’ Sannat.

F’indirizz li għamel, il-Prim Ministru Robert Abela tenna li dan il-Gvern qed ikompli jġib bidla pożittiva, inkluż f’Għawdex, fejn qed ikompli jagħti spazji miftuħa lill-komunità. Kompla li bir-riġenerazzjoni ta’ din il-pjazza qed titwettaq wegħda elettorali oħra li qed twassal għal titjib fil-kwalità tal-ħajja tar-residenti. Huwa feraħ lill-Kunsill Lokali Ta’ Sannat li b’ħidma konġunta mal-Ministeru t’Għawdex wettqu dan il-proġett ambizzjuż u ħeġġiġhom biex ikomplu jaħdmu sabiex jagħtu aktar ħajja lil din il-pjazza u li jmexxu ’l quddiem l-Istrateġija Reġjonali għall-Iżvilupp t’Għawdex, sabiex il-viżjoni ta’ Għawdex Gżira ta’ Villaġġi verament issir realtà.

“Nawgura li dan l-investiment iħalli impatt pożittiv, speċjalment fuq il-familji u dawk li jżuru dan ir-raħal. Inħeġġeġ lis-Sannatin biex igawdu din il-pjazza mill-isbaħ. Għamluha tagħkom kif għamluha tagħhom ta’ qabilkom. Ħudu ħsieb dan l-investiment li sar biex ta’ warajkom, huma wkoll isibu misraħ mill-isbaħ jistennihom,” sostna l-Prim Ministru Robert Abela.

Bħala parti mill-proġett inbidel il-pavimentar kollu u l-bankini ġew aċċessibbli. Ġiet installata wkoll għamara ġdida tat-toroq, bħal bankijiet ġodda. Sar ukoll xogħol ta’ rinovar taz-zuntier tal-knisja, twaħħlu dwal ġodda li jagħmlu użu effiċjenti mill-enerġija, kif ukoll bollards li ser jgħinu sabiex ikun hemm parkeġġ strutturat fil-pjazza. Il-pjazza kollha issa għandha bażi tal-konkrit rinfurzata li tiflaħ sew għall-vetturi. Il-proġett ħa ħsieb ukoll li jibni passaġġi taħt l-art għas-servizzi, sabiex is-servizzi eżistenti jiġu rilokati taħt l-art.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri qal li dan il-proġett twettaq b’ħidma kordinata u konġunta bejn il-Ministeru u l-Kunsill Lokali, fejn dan il-misraħ ewlieni, mifrux fuq aktar minn 4,000 metru kwadru, ġie riġenerat u ser jintradd lura lill-komunità Sannatija u lill-poplu Għawdxi. 

“Dan hu proġett ieħor li twettaq u li jirrispetta l-viżjoni tal-Gvern, hekk kif wegħidna li nkomplu nsaħħu u nkattru l-ispazji pubbliċi f’pajjiżna, u dan mhux b’inqas f’Għawdex,” sostna l-Ministru Camilleri.

Waqt l-inawgurazzjoni tkellem ukoll is-Sindku tal-Kunsill Lokali Ta’ Sannat Philip Vella. Il-Kunsill Lokali Ta’ Sannat kif ukoll ir-residenti kienu preżenti għal din l-inawgurazzjoni.

Ekonomija

Sport