Wednesday, July 24, 2024

UCL: Borussia Dortmund ipattu qares għaċ-ċansijiet mitlufa

Aqra wkoll

Borussia Dortmund….. 0

Real Madrid……………. 2

Real Madrid komplew ikabbru r-rekord għall-15-il suċċess ta’ Rejiet Ewropej meta fil-finali tal-UEFA Champions League għelbu lil Borussia Dortmund bl-iskor ta’ 2-0 li pattew qares għaċ-ċansijiet falluti matul l-ewwel taqsima hekk kif kellhom jidħlu f’vantaġġ ta’ żewġ goals. 

Iż-żewġ timijiet damu ma ssetiljaw u bħal donnhom bdew jistudjaw lil xulxin u kien moħħhom aktar li ma jikkommettux xi żball milli jippressaw.

Peró, mal-ħin Borussia kibru fl-istatura u litteralment fgaw kull spazju għall-avversarji … kienu territorjalment aħjar … iddominaw il-pussess tal-ballun … xeħtu lill-Madrileni fil-qoxra difensiva tagħhom … bnew attakk fuq ieħor … resqu viċin diversi drabi … iżda ma setgħux isibu t-triq lejn ix-xib­ka avversarja.

Fit-tieni taqsima, Real ħarġu aħjar u bdew jaqsmu l-logħob mal-avversarji fejn kellhom ukoll il-mumenti tagħhom … u saħansitra skorjaw darbtejn biex xejnu għal kollox l-isforzi ta’ Borussia iżda fil-veritá r-rizultat ma jirreflettix l-andament tal-logħba.

Intant l-ewwel azzjoni waslet fis-16-il minuta meta Borussia resqu ferm viċin li jiftħu l-iskor iżda minn pożizzjoni ideali, Julian Brandt falla l-mira wara li rċieva mingħand Niclas Fullkrug.

Ir-reazzjoni tal-Mad­rile­ni kienet waħda mmedjata iżda Vinicius Jr seta’ għamel aħjar hekk kif mill-viċin xeħet barra.

Fuq in-naħa l-oħra, il- Ġermaniżi kellhom żewġ op­portunitajiet f’temp ta’ tliet minuti. Fil-21 minuta, Karim Adeyemi qabeż lill-goalkeeper Madrilen, Thibaut Courtois, iżda l- ballun iġġenneb wisq biex  iċ-ċans intilef.

Imbagħad, Niclas Full­krug antiċipa l-ħarġa ta’ Courtois billi laqat sieq il-lasta … iżda seta’ kien f’pożizzjoni millimetrika ta’ offside.

Fit-30 minuta, Borussia reġgħu heddew meta Ade­yemi xeħet lejn Full­krug li d-daqqa ta’ ras tiegħu ma kinitx daqstant b’saħħitha.

Fil-41 minuta, Marcel Sabitzer ixxuttja ċentrali biex Courtois salva mingħajr tbatija.

It-tieni taqsima fetħet b’save brillanti tal-goalkee­per ta’ Borussia, Gregor Kobel, li dawwar f’corner il-free-kick ta’ Toni Kroos u mill-istess corner, id-daqqa ta’ ras ta’ Daniel Carvajal għaddiet fuq il-mimduda.

Fit-58 minuta, Kobel re­ġa’ kien providenzjali għal Borussia meta salva fuq l-istess Carvajal wara clearance qasira mid-difiża.

Erba’ minuti wara Courtois evita goal għal Real meta salva fuq daqqa ta’ ras b’saħħitha ta’ Fullkrug.

Fit-68 minuta, Vinicius Jr xeħet cross li Kobel naqas li jinnewtrlizza biex minn taħtu, Jude Bellingham na­qas li jagħmel kuntatt mal- ballun.

Iżda fl-74 minuta, Real fetħu l-iskor minn daqqa ta’ ras ta’ Dani Carvajal minn azzjoni ta’ corner.

Kien goal li ddemoralizza għal kollox lill-Ġerma­niżi, b’Bellingham (77) u Eduardo Camavinga (79) setgħu kabbru l-iskor.

Iżda dak li m’għamlux huma, għamlu VINICIUS JR meta, fit-83 minuta, issiġilla r-rebħa wara żball difensiv ta’ Ian Maatsen li l-player Brażiljan approfitta.

Ekonomija

Sport