Wednesday, July 24, 2024

UE MOĦĦHA BIEX IŻŻID L-ISPIŻA MILITARI…IMMA GĦAD-DANNU TA’ MIN?

Aqra wkoll

Ftit tal-ġimgħat ilu saru dikjarazzjonijie xokkanti mill-President tal-Kummissjoni
Ewropea Ursola von der Leyen. Stqarret fil-Parlament Ewropew li “fl-aħħar snin ħafna illużjonijiet Ewropej tfarrku għalkollox.

L-illużjoni li l-paċi hija dejjiema. L-illużjoni li l-prosperità ekonomika kienet iktar importanti għal Putin milli jeqred lill-Ukrajna ħielsa u demokratika. L-illużjoni li l-Ewropa qed tagħmel biżżejjed għas-sigurtà tagħha.” Warajha persuni rrepetew
dan.

Proprju ftit ġimgħat qabel din id-dikjarazzjoni kien sar summit informali tal-mexxejja tal-unioni Ewropea. Laqgħa li minnha wkoll ħarġu punti inkwetanti. Hemm dik tal-mobilizzazzjoni biex niżguraw it-tħejjija għad-difiża tagħna, il-kapaċità tagħna li naġixxu u nħarsu s-sigurtà tagħna.

Ma waqfux hemm imma tkellmu dwar żieda sostanzjali fl-infiq, l-investiment
u l-koperazzjoni biex tikber l-industrija tad-difiża fl-Ewropa. Anki fil-Kunsill Ewropew li sar f’Marzu ġie dikjarat li għandha tiżdied in-nefqa fuq id-difiża u li għandu jkun hemm għajnuna lill-industrija Ewropea tad-difiża biex tkun aktar
kompetittiva.

Dawn id-diskorsi juri ħaġa waħda li l-Kummissjoni Ewropea l-ġdida se tkun qiegħda tagħti prijorità qawwija għall-infiq militari. Von der Leyen stess kienet ħabbret li, jekk tiġi konfermata, se toħloq Kummissarju għad-Difiża.

Infakkru wkoll li l-Kummissjoni Ewropea ppreżentat strateġija industrijali ta’ difiża Ewropea u fosthom hemm li jiffinanzjaw b’€1.5 biljun il-programm imsejjaħ Programm Industrijali għad-Difiża Ewropea.

L-istrateġija għandha lgħan li tixpruna l-koperazzjoni fil-ksib tal-kuntratti biex ifornu l-armamenti u b’dan il-mod tiffavorixxi l-investimenti tal-Istati Membri u l-ħolqien ta’ standard komuni biex isostnu u jagħtu spinta lill-industrija militari tal-Unjoni Ewropea.

Għaldaqstant il-miri ta’ din l-istateġija sas-sena 2030 huma li l-pajjiżi membri jikkollaboraw ma’ xulxin biex jixtru 40 fil-mija tal-armamenti għad-difiża, li jallokaw nofs il-ħtiġijiet tagħhom ta’ difiża biex jixtru armamenti magħmula fl-Ewropa, li jikkummerċjaw minn tal-inqas 35 fil-mija tal-armamenti bejn il-pajjiżi Ewropej u mhux ma’ pajjiżi oħra.

Li mhux jingħad imma huwa l-argument ta’ xi prezz se jitħallas għal dan. L-ewwel nett, qegħdin naraw fejn dawn id-dikjarazzjonijiet u aktar minn hekk dawn l-istrateġiji fejn se jwasslu lill-Unjoni Ewropea? X’inhi r-raġuni li f’daqqa waħda l-Unjoni Ewropea marret f’direzzjoni opposta għal dik li twaqqfet għaliha, jiġifieri li tara li fl-Ewropa ma jsirux gwerer aktar, u issa qegħdin nitkellmu li hi illużjoni li ma jkunx hemm gwerer fl-Ewropa.

Ovvjament m’hemm ebda dubju li l-istrateġija u l-programmi militari jinkludi spejjeż kbar kemm f’manifattura ta’ armi u anke f’dik li hi riċerka ta’ armi ġodda. Dan fisser li kemm ilpajjiżi membri u anke l-Unjoni Ewropea nfisha trid tara kif se tagħmel tajjeb għal dan – jiġifieri minn fejn se ġġib il-flus.

Il-mistoqsijiet li jqumu huma diversi. Mistoqsijiet li s’issa għad m’hemmx tweġiba għalih. Imma tajjeb li taħsbu u tirriflettu dwarhom. Se tonqos l-ispiża ambjentali? Se tonqos l-ispiża marbuta ma’ miżuri biex jikkontrollaw il-bidla fil-klima?

Se tonqos l-ispiża soċjali? Se tonqos l-ispiża mill-programmi edukattivi? S’issa tweġiba għal dan għad m’għandniex. Huwa ċar iżda li l-flus minn xi mkien iridu jiġu. Iż-żmien se jurina min se jagħmel tajjeb għal dan.

Ekonomija

Sport