Sunday, December 22, 2024

Inawgurat il-proġett ta’ Triq il-Marfa u r-riġenerazzjoni tax-xatt tal-Għadira

Aqra wkoll

Tlestew ix-xogħlijiet fuq il-proġett infrastrutturali fi Triq il-Marfa, il-Mellieħa, jew kif inhi magħrufa bħala t-Triq tal-Għadira. Dan il-proġett, b’investiment ta’ madwar €10 miljun, kien jinvolvi l-bini mill-ġdid tat-triq u riġenerazzjoni tal-promenade tul il-bajja.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett, u l-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika, Clayton Bartolo, inawguraw il-proġett li ħadmu b’kordinazzjoni u temmew b’suċċess flimkien il-professjonisti ta’ Infrastructure Malta u l-Awtorità tat-Turiżmu.

Il-ħidma, li kienet mifruxa fuq tul ta’ tliet kilometri fuq il-karreġġjati minn u lejn iċ-Ċirkewwa, bdew minn ħdejn ir-roundabout tal-Armier sar-roundabout tal-parti t’isfel tal-bajja tal-Għadira. Ix-xogħlijiet inkludew tqegħid ta’ servizzi tal-ilma, sistemi ġodda ta’ distribuzzjoni tal-enerġija, bini mill-ġdid tat-triq u xogħol ta’ tisbiħ. Waqt dawn ix-xogħlijiet, l-Awtorità tat-Turiżmu ħadmet fuq il-bini mill-ġdid tal-promenade, mir-roundabout fejn tibda l-bajja tal-Għadira sal-parkeġġ tal-Armier.

Il-proġett inkluda organizzazzjoni mill-ġdid tat-triq bl-introduzzjoni ta’ parkeġġi fuq in-naħa tal-bajja fejn ikun hemm ħafna attività, b’hekk jonqos l-ammont ta’ nies li jkollhom bżonn jaqsmu l-kareġġjati bil-mixi. Il-proġett inkluda wkoll l-introduzzjoni ta’ infrastruttura pedonali tul il-proġett kollu, li se joffri iżjed sigurtà għal din iż-żona ffrekwentata minn mijiet t’eluf ta’ persuni kull sena.

Fil-proċess tal-kostruzzjoni mil-ġdid ta’ din it-triq, instabu servizzi li kienu fi stat ħażin u grazzi għall-interventi f’waqthom ġew evitati perikli għal min jgħaddi ta’ kuljum mit-triq tal-Għadira. Dan jixhed l-importanza li b’mod kontinwu l-infrastruttura tibqa tiġi aġġornata.

Il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka kif dan il-proġett kien opportunità oħra li permezz tagħha toħroġ l-impenn tal-Gvern li l-investiment fil-prodott turistiku mhux biss nitkellmu dwaru imma nwettquh.

“Kollox qiegħed jindika li din is-sena ser jerġa’ jkollna sena ta’ suċċessi kbar fit-turiżmu, f’termini ta’ wasliet, fl-iljieli mqattgħin u b’mod sinifikattiv fin-nefqa tagħhom fl-ekonomija tagħna. Huwa importanti li naċċertaw li l-esperjenza tal-viżitaturi fil-Gżejjer Maltin tkun waħda ta’ kwalità ogħla mingħajr ma tkun ta’ detriment fuq il-benesseri tal-Maltin u l-Għawdxin. Għalhekk ir-riġenerazzjoni ta’ din iż-żona hija messaġġ ċar ta’ fiex nemmnu,” kompla jgħid il-Ministru Clayton Bartolo.

Il-Ministru Chris Bonett saħaq kif investiment ta’ din x-xorta juri kif b’kordinament bejn l-entitajiet, proġetti li għal ħafna żmien kienu ikkunsidrati li huma diffiċli wisq biex isiru, jistgħu jitwettqu u jagħtu riżultati ta’ livell għoli bħal dan li għandna illum.

“Sa miż-żmien it-tmeninijiet dan il-proġett kien jissemma bħala bżonn li jrid isir kemm għal komunità Mellieħija, għat-turiżmu u għal kull min juża din it-triq għal Għawdex. U sa minn dak iż-żminijiet minħabba d-diffikultà tan-natura tal-proġett dan baqa’ jitpoġġa fuq l-ixkaffa. Illum qed naraw ir-riżultat tal-ħidma u determinazzjoni ta’ dan il-Gvern li jġib l-interessi tal-komunità l-ewwel. Għaddej ukoll il-proġett ta’ riġenerazzjoni tat-triq lejn iċ-Ċirkewwa li se jkun lest fil-jiem li ġejjin. Kommessi li nkomplu naħdmu qatigħ biex nibqgħu nipprovdu il-komunitajiet tagħna proġetti li jixirqilhom u tal-għola kwalità,” temm jgħid il-Ministru Bonett.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Ivan Falzon innota kif permezz ta’ dan l-investiment, l-inħawi tal-Għadira saru iżjed faċli li titgawda mill-familji matul is-sena kollha, u mhux fis-sajf biss. Huwa rringrazzja lit-tekniċi taż-żewġ entitajiet u l-mod professjonali kif ħadmu flimkien biex wasslu proġett ieħor għall-komunità.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef qal “Illum l-irwol tal-Awtorità m’huwiex biss illi nirreklamaw lil Malta u Għawdex u li nħajru linji tal-ajru biex jibdew joperaw lejn pajjiżna, iżda qed naħdmu wkoll biex nikkordinaw iżjed ħidma biex il-prodott turistiku lokali jkun dejjem aħjar.”

Ekonomija

Sport