Il-Malta Football Association ħabbret li l-investiment li sar fuq il-wiċċ tal-ħaxix artifiċjali fiċ-Centenary Stadium tlesta u nhar it-Tlieta, 8 ta’ Lulju 2025 dan mistenni jituża l-ewwel darba f’logħba mill-ewwel round tal-UEFA Europa Conference League.
Il-wiċċ il-ġdid kien inawgurat illum it-Tnejn, 7 ta’ Lulju 2025 mill-Ministru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, l-Onorevoli Clifton Grima u mill-President tal-MFA, Bjorn Vassallo, fil-preżenza ta’ uffiċjali oħra u membri tal-Bord Eżekuttiv tal-MFA.
Il-ħidma li bdiet hekk kif spiċċa l-istaġun li għadda kien tiinkludi tiswijiet fil-bażi, manutenzjoni tas-’shock pad’ taħt il-wiċċ, l-istallazzjoni tal-wiċċ sintetiku prodott mid-ditta Greenfields tal-Belġju u makkinarju ġdid għal mannutenzjoni.
Iċ-Centenary Stadium hija faċilita’ sportiva b’klassifikazzjoni ta’ Kategorija 2 u għalhekk fih jistgħu jsiru logħbiet internazzjonali sa ċertu livell. Il-materjal tal-ħaxix huwa minsuġ permezz ta’ sistema teknoloġija nnovattiva u diġa’ kien ċertifikat fil-livell ta’ FIFA Quality Pro. Dawn it-tip ta’ uċuh joffru l-aqwa karatteristiċi ta’ l-aqwa prestazzjoni fil-futbol professjonali.
L-aħħar installazzjoni ġdida tmur lura għas-sena 2017 meta kien sar wiċċ ġdid li issa nbidel biex il-klabbs u dawk kollha li jagħmlu użu minnu, jkollhom wiċċ tal-ħaxix artifiċjali, li jkun ta’ livell biżejjed biex fuqu jintlagħabu partiti kompetittivi domestiċi u internazzjonali u fl-istess waqt jintuża wkoll għal sessjonijiet ta’ taħriġ.
Informazzjoni interessanti oħra hija dik li b’kollox hemm bżonn ta’ 500 siegħa kull sena għal manutenzjoni u ż-żamma tal-ħaxix. Ukoll, għalkemm il-ħaxix m’għandux bżonn li jixxarrab, minħabba t-temperaturi għoljin li jaħkmu lill-pajjiżna, fix-xhur l-aktar sħan il-ħaxix jista’ jixxarrab bl-ilma permezz ta’ sistema apposta li taħdem b’mod diġitali.
F’kelmtejn tal-okkażjoni, Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima saħaq li, “l-investiment fil-faċilitajiet sportivi hu investiment dirett fil-futur taż-żgħażagħ tagħna u fil-futur tal-isport Malti. B’dan il-wiċċ ġdid fiċ-Centenary Stadium, qed niżguraw ambjent ta’ kwalità u sigur għall-atleti tagħna biex ikunu jistgħu jilħqu l-potenzjal tagħhom f’ambjent professjonali, kemm għall-kompetizzjonijiet kif ukoll għat-taħriġ ta’ kuljum. Irridu naraw iktar tfal u żgħażagħ jagħżlu l-isport u nkomplu nħeġġuhom jagħmlu dan billi nipprovdu faċilitajiet ta’ livell għoli li jistħoqqilhom.”
Min-naħa tiegħu l-President tal-MFA, Bjorn Vassallo tenna, ‘dan huwa s-sodisfazzjon li jasal minn tant ħidma biex inkomplu ntejjbu l-faċilitajiet fejn jintlagħab u jiġi pprattikat il-futbol f’pajjiżna. Huwa pożittiv li f-faċilita’ oħra għandna wiċċ artifiċjali ġdid u dan sabiex jitgawda mill-membri u dawk kollha li jiffrekwentaw il-futbol lokali. Nirringrazzja l-Gvern Ċentrali u lill-Ministru l-Onorevoli Clifton Grima tas-sostenn tiegħu biex iċ-Centenary Stadium u faċilitajiet sportivi oħra tal-klabbs membri qiegħdin jirċievu investimenti sostanzjali biex jiġu mmoderniżżati. Fl-aħħar sentejn installajna uċuħ ġodda fir-regional stadiums kollha u dan biex il-faċilitajiet jinżammu fi stat tajjeb skond il-kriterji internazzjonali. Il-plejers jixirqilhom li jilgħabu logħob kompetittiv fuq uċuħ ta’ kwalita’ u fl-aħħar snin l-MFA dejjem għamlet l-aħjar possibli biex dan jintlaħaq.’
Iċ-Centenary Stadium jinsab f’Ta’ Qali u huwa propjeta’ tal-Malta Football Association. Din hija r-raba’ darba li qiegħed jinbidel l-wiċċ tal-ħaxix artifiċjali minn meta kien inawgurat bħala stadium f’ Awwissu tas-sena 1999.