Saturday, December 21, 2024

Inawgurat investiment ta’ madwar €200,000 fit-Tennis Club tar-Rinella

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg, is-Segretarju Parlamentari għall-Artijiet u l-Kostruzzjoni Chris Agius u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima inawguraw investiment ta’ madwar €200,000 f’rinovar tat-Tennis Club tar-Rinella. Dan il-proġett, li beda f’April tal-2019, tmexxa mid-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi.

Il-Ministru Ian Borg qal li, “illum qed naraw proġett ieħor li se jservi bħala benefiċċju kemm għall-komunità inġenerali kif ukoll għall-komunità sportiva. Hawnhekk għandna klabb li jilqa’ aktar minn mitt membru u ħassejna li dawn il-membri kien ħaqqhom post xieraq u tal-aqwa standard fejn jistgħu jipprattikaw dan l-isport. Ninsab kommess li se nkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies anke fuq livell sportiv.”

Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius qal li llum twettqet ħolma għall-membri tat-Tennis Club tar-Rinella. Minkejja li dan il-klabb dejjem ingħata għajnuna minn SportMalta, kien illum li l-aktar parti importanti tal-klabb, il-court innifsu, inbena mill-ġdid. Illum il-klabb għandu faċilitajiet moderni u ġodda sabiex ikunu jistgħu jaqdu l-bżonnijiet tal-istess klabb. Is-segretarju parlamentari irringrazzja lill-uffiċjali tal-kumitat tal-impenn u tal-ħidma tagħhom fil-komunità tal-Kalkara u l-madwar.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima saħaq dwar l-importanza li l-isportivi jkollhom infrastruttura sportiva tal-ogħla kwalità. Huwa qal li matul l-2021, il-gvern se jkompli jsaħħaħ l-investiment fl-infrastruttura sportiva b’diversi proġetti fosthom it-tlestija tat-tieni fażi tal-Kumpless Sportiv tal-Basketball f’Ta’ Qali u jibda x-xogħol fuq faċilità sportiva oħra tat-tennis f’Pembroke. 

“Dawn huma infrastrutturi li se jitgawdew mill-poplu Malti u Għawdxi kollu. Din hija turija ċara fejn il-gvern huwa mpenjat li jkompli jsaħħaħ l-infrastruttura sportiva biex ikompli jgħolli u jilħaq livelli ta’ suċċessi fl-isport f’pajjiżna”, temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Grima.

Dan il-klabb huwa mibni f’żona storika li kienet isservi bħala stazzjon tal-wireless u t-telegrafija mill-Forza Navali Ingliża.

Fost it-titjib li sar nsibu li t-tul tat-tennis court żdied b’metru u nofs biex jintlaħaq wieħed mill-għanijiet prinċipali, dak li jkun hemm tennis court ta’ livell standard fejn jidħlu d-dimensjonijiet tal-Playing Area fost l-oħrajn. Aspetti oħra li kkontribwixxew għall-finalizzazzjoni ta’ dan il-proġett kienu t-tqegħid ta’ xibka doppja fuq il-wiċċ eżistenti,  installazzjoni ta’ pajpijiet (sleeves) biex minnhom tgħaddi s-sistema tal-elettriku għall-floodlights, kif ukoll livellar mill-ġdid biex tinħoloq sistema aktar effettiva u effiċjenti f’każijiet fejn tagħmel ix-xita. Barra minn hekk, ingħataw 746 metru kwadru ta’ konkos C35 imħallat b’kimika apposta kif ukoll l-asfalt.

Il-court ġie miżbugħ b’żebgħa apposta approvata mill-Federazzjoni Internazzjonali tat-Tennis (ITF) u ġiet installata fence ġdida u seats ġodda li saħħew il-proġett ukoll mill-aspett estetiku.

Ingħatat għajnuna wkoll mid-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi permezz ta’ tqegħid ta’ wiċċ ġdid fil-bitħa interna u sar xogħol ta’ tikħil u tibjid f’partijiet esterni tal-klabb. Barra minn hekk, tnaddfu ukoll is-sistemi eżistenti u tqiegħdu l-pajpijiet (sleeves) taħt l-art għas-servizzi tal-elettriku u l-ilma għall-partijiet kollha tal-klabb.

Ekonomija

Sport