Tuesday, September 24, 2024

Inawgurat ir-restawr estensiv fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta

Aqra wkoll

Ġie inawgurat uffiċjalment ix-xogħol estensiv ta’ restawr li sar fil-Palazz tal-Gran Mastru, fil-Belt Valletta. Dan il-proġett immexxi minn Heritage Malta kien ilu għaddej madwar erba’ snin u nofs u sar b’investiment ta’ €40 miljun, parti minnhom ġejjin minn fondi tal-Unjoni Ewropea.

B’dan ir-restawr, l-Armerija reġgħet lura f’postha fis-sala fejn kien jiltaqa’ l-Parlament. Sar ukoll restawr ta’ pitturi fuq it-tila, pitturi tas-suffetti, tapezzeriji, pavimenti tal-irħam, għamara u kollezzjonijiet oħra u restawr tal-armi u l-armaturi. Sar ukoll xogħol u restawr fl-uffiċċju tal-President fil-kmamar tal-istat u titjib sostanzjali fil-faċilitajiet tal-viżitaturi inklużi faċilitajiet ta’ aċċess għal kulħadd.

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm il-President ta’ Malta George Vella, li rringrazzja lil kull min ta sehmu biex proġett daqstant kbir u kkumplikat seta’ jitwettaq.

Huwa qal li dan il-proġett ta’ restawr jurina biċ-ċar kif nistgħu nagħtu futur lill-passat iżda nsista li huwa tajjeb li naraw kif dan il-wirt kulturali jkun ukoll passat denju tal-futur tagħna.

“X’tip ta’ kwalità ta’ passat se nħallu lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna jiddependi minna. Jiddependi min kif se nagħmlu minn dan is-sit storiku li mhux biss hu attrazzjoni turistika imma wkoll sit għandu funzjoni statali x’jaqdi. Sodisfatt li dan is-sagrifiċċju m’għamilniehx għalxejn,” tenna l-President Vella.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li “ridna li dan il-Palazz ikun isbaħ biex bħalma kellhom privileġġ li jgawduh dawk kollha li ġew qabilna, u qed ingawduh aħna wkoll, niżguraw li jgawduh il-ġenerazzjonijiet kollha li għad iridu jiġu.”
“Għalhekk ninsabu f’din il-ġawhra mibdula. Proġett li b’ħafna ħidma u determinazzjoni wassalnieh ukoll,” tenna l-Prim Ministru.

Malta assorbiet 100% tal-fondi Ewropej allokati lilha għall-perjodu 2013-2020
Sadanittant, il-Prim Ministru ħabbar ukoll li pajjiżna assorba 100% tal-fondi allokati għalih għall-perjodu 2013-2020.

Qal li din hija kisba importanti ferm għax hi frott il-ħidma, l-effiċjenza u d-determinazzjoni ta’ ħafna nies.

“Saru investiment f’ħafna setturi differenti f’kull oqsma tal-ħajja, mill-edukazzjoni sas-saħħa, sal-kutlura u l-qasam tal-enerġija. Għexieren ta’ proġetti kapitali u magħhom għexieren ta’ skemi soċjali fost oħrajn.

“Dan is-suċċss ta’ assorbiment sħiħ tal-fondi ewropej jawgura tajjeb ħafna issa li dħalna għal perjodu fejn did-darba l-isfida hi akbar għax irridu ninvestu d-doppju ta’ dawk il-fondi proprju għaliex irnexxielna ninnegozjaw pakkett ta’ fondi li jiswa d-doppju tal-pakkett i li kellna għall-perjodu preċedenti,” qal Dr Abela.

“Qegħdin ninvestu biex inħejju għall-futur filwaqt li ma nagħtu qatt il-ġenb lill-ħarsien ta’ dak li jagħmilna min aħna llum.”

Iċ-ċerimonja kienet indirizzata wkoll mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Chris Fearne, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, iċ-Ċermen ta’ Heritage Malta Mario Cutajar u l-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Noel Zammit.

Sport