F’Ħal Tarxien, ilbieraħ filgħodu, ġie inawgurat ir-restawr tal-monument tal-mibki Kuntistabbli Mark Farrugia. Preżenti għal din l-okkażjoni kien hemm il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, is-Sindku ta’ Ħal Tarxien Joseph Abela Galea, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, membri oħra tal-Korp tal-Pulizija, il-membri tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien, il-Kunsill Reġjonali Port flimkien mal-Komunità Tarxiniża u għaqdiet oħra tar-raħal fost oħrajn.
F’kelmtejn tal-okkażjoni, is-Sindku ta’ Ħal Tarxien Joseph Abela Galea qal li din it-traġedja li seħħet f’dan ir-raħal kienet ħasdet lill-komunità kollha. Qal li PC525 fl-aħjar tiegħu ġie maqtul fuq l-għatba tad-dar tiegħu fi Triq it-Tempji Neolitiċi.
“Mark kien persuna attiv fil-komunità speċjalment fl-għaqdiet tal-festa titulari ta’ Marija Annunzjata. Insellimlek Mark, u nibqa’ niftakrek bħala ġuvni attiv tiela’ u niżel is-slielem jarma l-festa fix-xahar ta’ Mejju.
“Dan il-bust ta’ Mark ġie inawgurat fl-2006 mis-Sindku ta’ dak iż-żmien Pawlu Farrugia fi ġnien li ġie msemmi apposta għalih. Fil-leġiżlatura preċedenti, meta jien ilħaqt Sindku, ġejt avviċinat mill-ġenituri ta’ Mark fejn kienu wrew ix-xewqa li dan il-monument jiġi espost aktar lejn il-qalba tar-raħal tagħna, viċin fejn kienet saret it-traġedja taż-żagħżugħ nhar l-20 ta’ Marzu 1999.
“Kont ressaq proposta fil-Kunsill u sħabi l-kunsilliera, fuq qbil unanimu, ridna naqdu x-xewqa tal-ġenituri tiegħu u sibna l-aħjar post adattat biswit l-istatwa tal-ġebel ta’ Marija Annunzjata li tant kien iħobb,” qal is-Sindku ta’ Ħal Tarxien.
Huwa tenna jgħid li: “fl-aħħar wasalna biex illum se nerġgħu ngawdu dan il-bust wara li ġie restawrat u mpoġġi fuq pedestall ġdid f’waħda mit-toroq prinċipali tar-raħal tagħna.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Byron Camilleri qal li x-xogħol tal-pulizija xi drabi jkun perikoluż u ftit hemm eżempji aktar konkreti bħalma sfortunatament dak li għadda minnu l-Kunistabbli Mark Farrugia.
“Però, 27 sena wara din it-traġedja, għadha tgħaqqadna flimkien. Tgħaqqad lill-familja tiegħu, lill-familja tal-Korp tal-Pulizija, tal-Korpi Dixxiplinati u tal-Intern però wkoll lill-familja Tarxiniża anke permezz tal-Kunsill Lokali,” qal il-Ministru Camilleri.
Huwa tenna li kliem li jisma’ kontinwament minn min kien jaf lill-Kuntistabbli Farrugia kien biss kliem pożittiv. Qal ukoll li hu tajjeb li f’din l-okkażjoni niftakru f’dawk il-pulizija kollha li ta’ kuljum dmirhom jaf ikun perikoluż, għax l-irwol tagħhom hu dak li hu.
Fi tmiem iċ-ċerimonja tpoġġew kuruni tal-fjuri biswit il-monument.

