Saturday, December 21, 2024

Inawgurat ix-xogħol li sar fiċ-Ċentru tan-Nadur b’investiment ta’ €50,000, permezz tal-iskema MICE

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri inawgura x-xogħlijiet li saru fis-sala ewlenija tan-Nadur Teen and Youth Centre, b’investiment ta’ €50,000. Dan il-proġett fil-komunità tan-Nadur ġie ffinanzjat mill-iskema ‘Restoring and Upgrading Venues with the Capacity to Host MICE Events’ li hija wkoll miżura tal-baġit, sabiex issa f’din is-sala jistgħu jibdew jittellgħu l-konferenzi.

Il-Ministru Clint Camilleri nnota li s-sala issa tesa’ ftit aktar minn 150 persuna, bi standards kif mixtieq f’dak li għandu x’jaqsam ma’ aċċessibilità. Qal li, “B’finanzjament mill-Ministeru għal Għawdex ta’ €50,000, saru diversi interventi f’dan iċ-ċentru. Ninsab sodisfatt bil-livell ta’ xogħol li sar hawnhekk u nħarsu ’l quddiem għal aktar kollaborazzjoni. Dan l-investiment mistenni jkompli jtejjeb ukoll l-aspett ta’ turiżmu reliġjuż fil-gżira Għawdxija”.

Preżenti kien hemm id-Direttur tat-Turiżmu u l-Iżvilupp Ekonomiku fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, Ronald Sultana, li spjega li fost ix-xogħlijiet li saru, “Ġie installat lift modern, saru xogħlijiet ta’ finishings, għamara u prodotti awdjoviżivi. Ġew installati wkoll aperturi u tagħmir teknoloġiku li jkomplu jtejbu s-sigurezza tal-post. Dan kollu b’finanzjament mill-iskema MICE”.

Min-naħa tiegħu, il-Perit Edward Scerri li ħa ħsieb il-proġett, spjega f’aktar dettall ix-xogħlijiet li saru. Dan filwaqt li Fr Mark Bonello, li jieħu ħsieb dan iċ-ċentru, irringrazzja lill-Ministeru għal Għawdex li permezz tiegħu seta’ jseħħ dan il-proġett tant bżonjuż.

Ekonomija

Sport