Tuesday, April 16, 2024

Inawgurat ix-xogħol ta’ restawr fuq żewġ niċeċ fiċ-Ċittadella

... filwaqt li dalwaqt jiġu installati bankijiet fil-Pjazza tal-Katidral

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri inawgura x-xogħlijiet ta’ restawr li saru fuq żewġ niċeċ antiki fid-daħla taċ-Ċittadella, filwaqt li ħabbar investiment li se jara l-installazzjoni ta’ bankijiet uniċi fil-Pjazza tal-Katidral.

Il-Ministru Camilleri stqarr li dan huwa xhieda ta’ gvern li verament jaħdem u jinvesti sabiex jippreserva l-wirt uniku ta’ pajjiżna, partikolarment tal-gżira Għawdxija. Huwa semma kif, “In-niċeċ, waħda ta’ Sant’Anna u l-oħra tal-Madonna tas-Solitudni, huma fost l-eqdem f’Għawdex. Dawn kien jeħtiġilhom xogħlijiet ta’ restawr sabiex mhux biss jiġu mħarsa minn iktar deterjorazzjoni imma anke l-madwar tagħhom jingħata dehra aħjar.”

Min-naħa tiegħu, id-Direttur għall-Wirt Kulturali John Xuereb spjega li dan ir-restawr sar b’konsultazzjoni kontinwa mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u twettaq mill-ħaddiema tar-Restoration Unit u taċ-Ċittadella.

Il-Ministru ħabbar ukoll li dalwaqt se jitpoġġew xi bankijiet qrib il-funtana fil-pjazza prinċipali taċ-Ċittadella. Dan wara li l-Uffiċċju Amministrattiv taċ-Ċittadella kien ilu jirċievi feedback kontinwu dwar il-bżonn ta’ bankijiet, kemm mit-turisti kif ukoll min-nies tal-post. Hawnhekk, il-Ministru Clint Camilleri spjega kif,  “L-idea hi li nimxu fuq il-prassi komuni fl-ibliet Ewropej. Minbarra li jservu ta’ serħan għall-poplu, dawn il-bankijiet jagħtu dehra iktar rikka lill-istess pjazza. Saru taħdidiet mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, inħareġ tender, intgħażel il-kuntrattur, u issa għaddej il-proċess tal-manifatturar tal-bankijiet, li tajjeb wieħed jgħid li se jkunu uniċi għal din il-pjazza.”

Il-Ministru Clint Camilleri temm billi rringrazzja lid-Direttorat għall-Wirt Kulturali għax-xogħol siewi li jagħmel, u lill-ħaddiema kollha tax-xogħol siewi li għamlu u li qegħdin jagħmlu.

Il-bankijiet se jkunu magħmula minn irħam, injam u b’dahar tal-ħadid bl-arma tal-belt Victoria.

Ekonomija

Sport