Wednesday, April 24, 2024

Il-Kunsill Fiskali Konsultattiv Malti jippubblika l-evalwazzjoni tal-Pjan Baġitarju għall-2022

Aqra wkoll

Fit-22 ta’ Diċembru 2021, il-Kunsill Fiskali Konsultattiv Malti (MFAC) ippreżenta lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol l-evalwazzjoni tiegħu tal-Pjan Baġitarju għall-2022.

Abbażi tal-informazzjoni disponibbli sakemm kien imħejji dan ir-Rapport, il-Kunsill Fiskali ikkunsidra l-aġġornament fit-tbassir makroekonomiku u fiskali għall-2021 u l-2022 bħala plawżibbli, u kompatibbli mas-suppożizzjonijiet speċifikati fid-dokument uffiċjali.

Skont it-tbassir tal-gvern, l-ekonomija hija mistennija li tirkupra gradwalment mit-tnaqqis irreġistrat fl-2020. Il-Prodott Gross Domestiku (PGD), f’termini reali, huwa mbassar li jikber b’4.8% fl-2021,  mbagħad jaċċellera għal 6.5% fl-2022.

F’dawn is-sentejn, in-nefqa pubblika hija ppjanata li tibqa’ ogħla mid-dħul. Fl-2021, id-defiċit fiskali huwa mistenni li jikber għal 11.1% tal-PGD, u b’hekk ikompli jgħolli l-proporzjon tad-dejn pubbliku mal-PGD, għal 61.3%.

Il-pjan tal-gvern huwa li gradwalment inaqqas l-iżbilanċ, b’mira ta’ 5.6% tal-PGD għad-defiċit fiskali fl-2022. Defiċit fiskali aktar baxx u t-tkabbir nominali fil-PGD jippermettu li d-dejn pubbliku jistabbilizza għal 61.8% tal-PGD fl-2022.

It-tbassir makroekonomiku u fiskali għal Malta ppreparati mill-gvern huma simili u qrib l-istimi ppubblikati minn istituzzjonijiet indipendenti oħrajn. Il-premessa komuni fost dan it-tbassir hija li l-agħar tal-pandemija jkun għadda sal-2022, biex b’hekk l-ekonomija tibda tirpilja, u s-sostenn fiskali jonqos skont kif ippjanat mill-gvern. Madankollu, il-Kunsill iqis li l-inċertezza fir-rigward tal-andament fil-pandemija, u l-effetti tagħha fuq l-ekonomija u l-finanzi tal-gvern, għadha għolja.

Ir-rapport sħiħ, intitolat “Assessment of the Draft Budgetary Plan 2022”, huwa disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-MFAC: http://www.mfac.org.mt.

Sport