Wednesday, April 24, 2024

Inawgurat l-Adventure Park f’Ta’ Qali b’investiment ta’ €2.3 miljun

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Illum qegħdin f’waħda minn sitt żoni fil-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali li se jkunu qegħdin jgħaddu lura biex jitgawdew min-nies. Din hija l-ewwel żona li qegħdin nagħtu lura lill-pubbliku li kienet teżisti iżda għal numru ta’ snin ġiet mitluqa u naqsu n-nies li jiffrekwentawha. Ridna nibdlu diversi sistemi b’investiment ta’ €2.3 miljun u nibdew biex nagħtu waħda minn dawn iż-żoni lura kif wegħdna”, ħabbar dan il-Ministru għall-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg waqt li kien qiegħed jinawgura l-Adventure Park f’Ta’ Qali.

Il-Ministru tkellem dwar il-Master Plan tal-proġett li tinkludi s-sitt żoni u ħabbar li minn hawn u ftit ġimgħat oħra dik li kienet fabbrika diżabitata se tkun qiegħda tinbidel f’żona oħra li tingħata għan-nies u se tinkludi sitt grawnds tal-futbol f’żona ta’ spazju miftuħ. Din iż-żona se tintuża biex isiru kunċerti nazzjonali f’ċertu żminijiet tas-sena.

Borg tkellem ukoll dwar iż-żona tal-amfiteatru li minn telqa ta’ numru ta’ snin ukoll se tkun qiegħda terġa’ tingħata l-ħajja. Il-Ministru qal li fost affarijiet oħra dan il-proġett se jinkludi żona għall-jogging u għaċ-ċikliżmu mal-periferija tal-park.

Il-Ministru qal li hemm sejħa miftuħa biex isir parkeġġ pubbliku biex fit-tarf ta’ Ta’ Qali jinbena parkeġġ pubbliku fejn wieħed iħalli l-vettura tiegħu u jimxi jew juża metodi alternattivi biex jasal sal-post.

Il-Ministru temm jappella lill-familji Maltin u Għawdxin biex matul tmiem il-ġimgħa jattendu f’dan il-park biex uliedhom ikunu jistgħu jipparteċipaw f’numru ta’ attivitajiet li se jkunu qed jiġu organizzati fil-post.

Sport