Sunday, December 22, 2024

Inawgurat l-ewwel bandli inklussiv fi Ġnien il-Kunsill, f’Birżebbuġa

Aqra wkoll

F’Birżebbuġa, r-residenti issa għandhom l-ewwel bandli inklussiv u spazju miftuħ ieħor għall-familji. Qal dan is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia waqt l-inawgurazzjoni tar-rinovar ta’ Ġnien il-Kunsill b’investiment ta’ iktar minn kwart ta’ miljun ewro. Dan il-proġett li sar b’kollaborazzjoni bejn id-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa, ġie mfassal biex jipprovdi aċċessibbiltà sħiħa lit-tfal bi bżonnijiet speċjali u tfal bl-awtiżmu. 

F’dan il-proġett, barra l-installazzjoni ta’ bandli ġodda u tagħmir għal-logħob ieħor, sar ukoll xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-ħitan eżistenti tal-ġnien, tindif tal-pavimentar u bdil tal-lampi kollha eżistenti li jdawwlu aktar u jikkunsmaw inqas enerġija. Il-proġett inkluda wkoll railing ġdid madwar il-ġnien kollu, restawr tal-bankijiet eżistenti u kif ukoll ġiet maħduma għamara ġdida addatata għal barra. Il-ġnien jinkludi wkoll sistemi ġodda ta’ WIFI u kameras tas-sigurtà.

Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia qal, “L-inklussività f’dan l-ispazju pubbliku ser tagħti valur miżjud lil dan il-post. Bħala Gvern tajna kelma li mhux biss se nagħmlu proġetti ġodda fil-komunitajiet iżda se nagħmluhom biex minnhom igawdi kulħadd. Din il-kelma qed inżommuha u dan il-proġett huwa xiehda oħra ta’ dan. Fil-ġimgħat li ġejjin se nkunu qed nibdew iktar xogħlijiet fuq proġetti ta’ dan it-tip biex inkomplu ntejbu l-kwalità tal-għejxien tal-familji Maltin u Għawdxin kollha.”

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli faħħret ix-xogħlijiet li saru f’dan il-ġnien inklussiv, li jista’ jitgawda minn kulħadd. “Li nkomplu nagħtu aktar spazji miftuħa lir-residenti tagħna hu ta’ prijorità għal dan il-gvern. Nieħu pjaċir nara aktar kunsilli lokali li qed ikomplu jinvestu fi spazji miftuħa għall-komunitajiet tagħhom u dawk kollha li jżuruhom. Iżda l-akbar sodisfazzjoni f’din il-biċċa tax-xogħol tibqa’ l-fatt li dan l-ispazju miftuħ flimkien mal-bandli hu wieħed inklussiv,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

Is-Sindku ta’ Birżebbuġa Scott Camilleri qal li dan huwa pass importanti lejn komunità aktar inklussiva u tenna s-sodisfazzjon tal-Kunsill li r-residenti se jgawdu dan il-ġnien mill-ġdid. Huwa radd ħajr lid-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi għal dan il-proġett li kien tant bżonjuż f’din il-lokalità.

Ekonomija

Sport