Wednesday, November 27, 2024

Inawgurat l-ewwel dipartiment diġitali tal-X-ray f’San Vinċenz de Paul

Aqra wkoll

B’investiment ta’ aktar minn miljun u nofs ewro, f’San Vinċenz de Paul ġie inawgurat l-ewwel dipartiment diġitali tal-X-Ray (Digital Imaging Unit), mgħammar b’faċilitajiet mill-aktar moderni li se jkunu disponibbli mhux biss għar-residenti, iżda wkoll għal anzjani oħrajn.

Waqt l-inawgurazzjoni ta’ dan id-Dipartiment, il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia qal li dan huwa pass ieħor biex San Vinċenz de Paul jiġi stabbilit bħala ċentru ta’ eċċellenza fil-kura tal-anzjani bl-aqwa teknoloġija disponibbli għall-professjonisti mediċi.

Il-Ministru Farrugia ħabbar ukoll li ġie approvat il-proċess biex fil-ġimgħat li ġejjin, jinħareġ tender biex jinxtara apparat tas-CT Scan, investiment ieħor importanti ħafna fil-qasam tal-kura tal-anzjani.

Huwa qal li d-dipendenza tal-anzjani fuq is-servizzi tas-saħħa qiegħda dejjem tiżdied u għaldaqstant, kull investiment li jsir fil-qasam tal-kura tal-anzjani jġorr miegħu diversi benefiċċji.

Matul is-snin li għaddew, San Vinċenz de Paul ra ammont sostanzjali ta’ investiment infrastrutturali flimkien ma’ titjib fis-servizzi. Dan l-investiment wassal lill-entità biex tistabbilixxi ġerontoloġija speċjalizzata b’għadd ta’ servizzi.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li t-taqsima moderna tar-radjoloġija hija kruċjali biex tippromwovi l-mediċina preventiva, tidentifika dijanjosi sa minn kmieni, u toffri aċċessibilità għar-residenti tagħha kif ukoll għal anzjani oħrajn.

Huwa fakkar li l-persuni li jiddaħħlu f’San Vinċenz de Paul huma l-aktar vulnerabbli, kemm fiżikament kif ukoll psikoloġikament, u dan iżid id-domanda għal aktar servizzi moderni. Il-magni huma mgħammra bl-aħħar teknoloġija b’emissjonijiet aktar baxxi ta’ radjazzjoni u kompletament diġitali, u jiffaċilitaw ix-xogħol għar-radjoloġisti.

Sport