Proġett li beda sena ilu u tlesta fi żmien rekord ġie inawgurat mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima. Permezz ta’ dan il-proġett, b’investiment ta’ €2.5 miljun, l-istadium Matthew Micallef St John tal-Marsa issa huwa wieħed tal-ogħla livell.
“Dan l-investiment wassal biex pajjiżna issa għandu korsa tal-atletika tal-ogħla livell biex issa l-atleti Maltin jistgħu jitħarrġu u jipprattikaw l-isport favorit tagħhom b’mod professjonali. Hija wkoll trakka li se tilqa’ l-atleti li se jkunu f’pajjiżna għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jibdew lejn tmiem Mejju li ġej”, qal il-Ministru Clifton Grima.
Huwa qal li permezz tal-proġetti fl-infrastuttura sportiva li qegħdin isiru, pajjizna qed ikompli jgħolli l-livell ta’ dawn il-faċilitajiet għal livelli internazzjonali u b’hekk kemm l-atleti u l-ispettaturi se jkollhom ambjent tal-aqwa kwalità. Dan huwa wkoll proġett li permezz tiegħu pajjiżna se jkun jista’ jilqa’ kompetizzjonijiet internazzjonali u għalhekk jissaħħaħ it-turiżmu sportiv. Huwa wkoll proġett li jmur id f’id mal-Istrateġija tal-Isport li fiha hemm ċar li l-infrastruttura sportiva hija waħda mill-kolonni importanti f’din l-istrateġija.
“Is-sodisfazzjon tiegħi huwa wkoll għaliex issa t-tfal Maltin u Għawdxin għandhom ukoll faċilità li tgħinhom b’mod iktar professjonali fit-taħriġ, ikomplu jissodaw fl-isport favorit tagħhom u ‘l quddiem bħala atleti jkunu jistgħu jiksbu riżultati fuq livell internazzjonali”, qal il-Ministru Grima.
B’dan l-investiment il-Kumpless Sportiv tal-Marsa qed jinbidel f’hub sportiv ta’ livell internazzjonali, b’diversi faċilitajiet għal dixxiplini sportivi differenti, għalhekk huwa wkoll investiment kruċjali biex pajjiżna jitla’ t-tarġa li jmiss fl-isport.
Il-proġett sħiħ jinkludi bini ta’ strutturi ġodda u modernizzar ta’ oħrajn, resurfacing tat-trakka ta’ 400 metru u t-trakka tal-warm up ta’ 100 metru, fencing ġdid madwar il-faċilità kollha, main stand ġdida li tinkludi changing rooms, lecture rooms, photo finish room, imħażen u kliniki, żewġ swali għal sessjonijiet ta’ gym, rinnovazzjoni tal-pole vault, high jump, long jump u throws area, u tisbieħ b’mod ġenerali tal-faċilità kollha.
Ix-xogħol sar minn Sport Malta. Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar qal li dan huwa proġett li jingħaqad mad-diversi proġetti ta’ infrastruttura sportiva li għaddejjin madwar il-pajjiż.
“Il-pjan huwa li nkomplu ninvestu f’faċilitajiet sportivi aċċessibbli għal kull min b’xi mod jew ieħor jipprattika xi attività fiżika, minn persuni li jagħmlu taħriġ bażiku għall-atleti professjonali, li l-isport huwa l-passjoni u l-karriera tagħhom”, qal is-Sur Cutajar.