Thursday, April 9, 2026

INAWGURAT MRI SCANNER ĠDID F’SAN VINĊENZ

… investiment ta’ madwar €1.8 miljun

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

MRI Scanner ġdid mgħammar bl-aħħar teknoloġija li hawn fis-suq kien inawgurat dalgħodu f’San Vinċenz de Paul. Dan sar b’investiment ta’ €1.8 miljun, li parti sostanzjali minnhom kienu ġejjin minn fondi Ewropej.

Dan is-servizz se jkun disponibbli kemm għar-residenti ta’ din il-faċilità kif ukoll għal pazjenti ta’ 60 sena jew aktar. Dan is-servizz ġdid jifforma wkoll parti mill-istrateġija tal-Gvern li kemm jista’ jkun titnaqqas il-pressjoni minn fuq l-Isptar Mater Dei filwaqt li jimminimizza wkoll il-ħin ta’ stennija.

L-MRI Scanner f’San Vinċenz ġie inawgurat mill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela flimkien mal-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi, u s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea. Preżenti kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vincenz de Paul Jurgen Souness.

F’diskors li għamel tal-okkażjoni, il-Ministru Abela fisser l-inawgurazzjoni ta’ dan l-MRI Scanner ġdid f’San Vinċenz bħala pass importanti fil-ħidma kontinwa tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ is-servizz tas-saħħa f’pajjiżna.

“Permezz ta’ investiment ieħor f’San Vinċenz qed naraw l-introduzzjoni tas-sitt MRI scanner f’pajjiżna. Tlieta f’Mater Dei, wieħed fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, ieħor li huwa stazzjonat fiċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa Ċensu Moran u issa għandna s-sitt scanner f’San Vinċenz,” spjega l-Ministru Abela. 

Huwa nnota kif matul is-snin f’San Vinċenz żdiedu l-kliniċi filwaqt li qed ikunu offruti servizzi varji, fosthom dawk relatati mar-radjoloġija fejn qed jiġu offruti diversi servizzi li jinkludu l-ultra sound, bone density u CT Scans. Issa, u bl-introduzzjoni ta’ dan l-MRI Scanner ġdid, huwa stmat li fl-ewwel sena tal-operat tiegħu minn tal-inqas 5,000 persuna se jkunu għamlu użu mis-servizz ta’ scanning minn dan l-apparat ġdid.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qal li parti sostanzjali minn dan l-investiment ġej minn fondi Ewropej. “Din tal-lum inqisha okkażjoni ta’ kif b’mod konkret, b’mod ċar, qed nuru li l-fondi Ewropej f’pajjiżna qed jintefqu tajjeb, b’mod metodiku, qed nużaw strateġija b’objettivi ċari u dawk il-fondi qed jirriżultaw fi kwalità ta’ ħajja aħjar u f’servizz ta’ saħħa dejjem aqwa,” qal il-Ministru Zrinzo Azzopardi.

Nefqa b’għaqal mill-Gvern

Is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea semma kif kwart tal-popolazzjoni Maltija taqa’ taħt l-aspett ġerjatriku. Għalhekk stqarr li jagħmel sens u ħafna wkoll li l-Gvern ikompli jinvesti u jindirizza din il-parti sostanzjali tal-popolazzjoni.

“Is-servizzi li qed jingħataw f’San Vinċenz qed iħossuhom ħafna nies mhux biss l-anzjani imma wkoll il-qraba tagħhom. Dan l-MRI se joffri servizz bl-aħħar teknoloġija lill-anzjani tagħna. Dan grazzi għal nefqa b’għaqal mill-Gvern,” qal is-Segretarju Parlamentari. 

Filwaqt li spjega li din is-sena kien allokat budget rekord għal San Vinċenz, huwa ħabbar ukoll kif għas-sena d-dieħla, din l-allokazzjoni se taqbeż il-budget ta’ din is-sena b’madwar €50 miljun. 

“Dak ifisser li l-Gvern mhux qed jixxaħħaħ mal-anzjani. Anzi qed ikompli jinvesti fihom għax tassew nemnnu li dawn in-nies, proprju f’dan il-mument fejn għandhom bżonn, għax għandhom bżonn l-aqwa kura, aħna qegħdin hemm għalihom u warajhom. Dan hu ħolqa oħra fil-katina li aħna se nkomplu nkabbru biex noffru servizz dejjem aħjar lill-anzjani,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Agius Galea.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport