Sunday, December 22, 2024

Inawgurat servizz ta’ trasport bla ħlas għar-residenti Rabtin

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea, is-Sindku tar-Rabat Sandro Craus, u l-kunsilliera nedew servizz ta’ trasport magħruf bħala Silver T għar-residenti tar-Rabat. Il-vann tal-elettriku ġie ffinanzjat mill-iskema Finanzjament ta’ Proġetti Kapitali, Aċċessibbiltà u Mobilità maħruġa mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali.

L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità se  tuża dan il-vann tal-elettriku biex jingħata servizz ta’ trasport, skont il-bżonnijiet tal-anzjani li joqogħdu r-Rabat, Ħad-Dingli, l-Imtarfa, l-Imdina, il-Baħrija, l-Imġarr u l-Buskett, biex ikunu jistgħu jagħmlu l-qadi tagħhom.

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli saħqet li l-kwalità tal-ħajja hija fiċ-ċentru tal-ħidma ta’ dan il-Gvern u huwa għalhekk li l-Gvern kommess li jibqa’  jagħti l-għodda neċessarja lill-kunsilli lokali sabiex ikomplu jaqdu l-bżonnijiet tar-residenti u l-lokalitajiet rispettivi tagħhom bl-aqwa u l-aħjar mod possibbli.

Hija sostniet li huwa d-dritt ta’  kull persuna li tgħix ħajja indipendenti u dan is-servizz ġdid fil-komunità ser ikun qed jagħti lill-anzjani u persuni vulnerabbli l-aċċess għas-servizzi neċessarji ta’ kuljum. Is-Segretarju Parlamentari ferħet lill-Kunsill Lokali tar-Rabat għall-kisba ta’ dawn il-fondi mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali u għall-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea qal: “Permezz ta’ dan l-inizjattiva qed inkomplu ntejbu l-ħajja ta’ kuljum tal-anzjani tagħna. Billi nipprovdu trasport affidabbli u bla ħlas, qed niżguraw li l-anzjani fil-komunitajiet tagħna jkollhom aċċess għas-servizzi essenzjali u jistgħu jżommu l-indipendenza tagħhom.”

Is-servizz tas-Silver T, jopera fuq livell nazzjonali, mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mis-7:00 ta’ filgħodu sas-2:00 ta’ wara nofsinhar u jipprovdi faċilità ta ’ trasport lil dawk il-persuni anzjani li jixtiequ jmorru ċ-Ċentri tas-Saħħa, ċ-Ċentri tal-Anzjanità Attiva, il-Kunsill Lokali, il-bank, is-suq lokali, postijiet ta’ qima u diversi postijiet oħra. Wieħed irid jibbukkja sa mhux aktar tard minn tlett ijiem qabel fuq in-numru tat-telefon 22788900. Il-ħinijiet taċ-Ċentru tat-Telefonati huma l-istess bħall-ħin li fih jaħdem dan is-servizz, jiġifieri mit-Tnejn sal-Ġimgħa mis-7:00 ta’  filgħodu sas-2:00 ta’ waranofsinhar. Dan is-servizz huwa bla ħlas.

Ekonomija

Sport