Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett flimkien mas-Sindku ta’ Raħal Ġdid Dominic Grima nedew servizz ta’ trasport assistit għar-residenti ta’ Raħal Ġdid b’investiment ta’ €100,000. Dan is-servizz ser ikun qed jingħata permezz ta’ vann tal-elettriku aċċessibbli b’rampa, għall-użu ta’ residenti anzjani u persuni b’diżabilità. Dan il-proġett huwa kofinanzjat minn fondi Norveġiżi u minn fondi tal-Kunsill Lokali.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli sostniet li huwa d-dritt ta’ kull persuna li tgħix ħajja independenti. “Għalhekk ser inkomplu ninvestu f’modi sabiex kull resident ikollu aċċess faċli għas-servizzi neċessarji ta’ kuljum” saħqet is-Segretarju Parlamentari. Hija faħħret ukoll l-għaqal tal-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid li għamel użu tajjeb mill-fondi tal-Kunsill Lokali favur servizz pubbliku fil-qalba tal-komunità.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li l-għan ta’ dan il-proġett huwa li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja u l-istandards tal-għajxien sostenibbli tal-komunità f’Raħal Ġdid filwaqt li jindirizza l-ħtiġijiet soċjali u edukattivi taċ-ċittadini.
“Dan huwa proġett li qed joħloq element ta’ ġid fis-soċjetà għal anzjani tagħna u nies bi bżonnijiet speċjali u bih ikompli jenfasizza il-miri ta’ dan il-gvern sabiex ikun hemm dejjem viċin in-nies” temm is- Segretarju Parlamentari.
Is-Sindku ta’ Raħal Ġdid Dominic Grima qal li dan is-servizz ser joffri trasport għall-isptar San Vincenz de Paul. Huwa spjega li t-trasport se jkun disponibbli mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn is-7:30 ta’ filgħodu u s-2 ta’ wara nofsinhar u s-Sibt mit-8 ta’ filgħodu san-nofs siegħa.
Is-servizz se jidħol fis-seħħ mit-tieni ġimgħa t’Awwissu 2023. Ir-residenti li jixtiequ jagħmlu użu minn dan is-servizz għandhom jagħmlu kuntatt mal-Kunsill Lokali.
Preżenti għat-tnedija ta’ dan il-proġett kien hemm ukoll diversi membri mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid.