Sunday, December 22, 2024

Inawgurat spazju miftuħ ġdid f’Għajnsielem

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, flimkien mas-Sindku ta’ Għajnsielem Kevin Cauchi, inawguraw spazju rikreattiv f’Għajnsielem bit-tema tat-tagħlim – proġett li sar b’investiment ta’ ftit aktar minn €350,000.

Il-Ministru Camilleri spjega li proġetti bħal dawn, minkejja li huma mifruxa fuq medda mhux daqstant kbira, huma importanti ferm fil-komunitajiet għaliex joffru spazju rikreattiv sigur u f’dan il-każ anke spazju edukattiv b’tabelli ta’ informazzjoni li ġew installati.

Il-Ministru għal Għawdex faħħar ukoll l-impenn tal-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem li f’ħidma konġunta ma’ entitajiet oħra, irnexxielu jiġġenera żona li sa ftit xhur ilu kienet waħda mitluqa, għal spazju rikreattiv modern li jilqa’ għall-ħtiġijiet tan-nies taż-żona u l-madwar.

Il-proġett kien jinkludi pavimentar, bankijiet, siġar u pjanti, tagħmir tal-bandli, pitch tal-boċċi u amfiteatru.

Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli spjegat li l-gvern jemmen bis-sħiħ fil-kapaċità tal-kunsilli lokali li jwettqu proġetti li l-lokalitajiet u r-residenti rispettivi tagħhom jeħtieġu u jixtiequ, għaldaqstant il-gvern ser jibqa’ jagħti l-għodod neċessarji lill-kunsilli lokali sabiex iwettqu proġetti favur il-komunitajiet tagħhom.

Min-naħa tiegħu s-Sindku Kevin Cauchi spjega li fil-ġnien hemm tabelli brail sabiex persuni li huma neqsin mid-dawl jkunu jistgħu jaqraw l-informazzjoni minn fuq it-tabelli edukattivi rigward is-siġar u l-pjanti li hemm fil-ġnien. “Dan sar sabiex il-ġnien ikun inklużiv għal kull min iżuru u jagħmel użu minnu,” saħaq is-Sur Cauchi.

Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm ukoll diversi membri mill-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem.

Ekonomija

Sport