Wednesday, July 24, 2024

Inawgurat spazju rikreattiv f’żona urbana f’Ħal Qormi

Aqra wkoll

Ġie inawgurat bandli u spazju rikreattiv fi Vjal De La Cruz, fil-lokalità ta’ Ħal Qormi. L-inawgurazzjoni saret mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli flimkien mas-sindku ta’ Ħal Qormi Josef Masini Vento u l-kunsilliera. Dan il-proġett sar b’investiment ta’ madwar €190,000.

Is-Segretarju Parlamentari qalet li l-ispazji rikreattivi u l-bandli huma żoni importanti u essenzjali f’kull komunità, b’mod partikolari f’żoni urbani bħaż-żona ta’ Vjal De La Cruz f’Ħal Qormi. Hija qalet li proġetti bħal dawn jikkumplimentaw il-ħidma tal-gvern, fl-impenn favur iż-żieda ta’ aktar spazji miftuħa u ta’ rikreazzjoni fil-qalba tal-komunitajiet Maltin u Għawdxin.

“Ir-residenti ta’ din iż-żona, issa għandhom spazju miftuħ għar-rikreazzjoni li huwa sabiħ, sigur u aċċessibbli, ftit passi ‘l bogħod minn fejn jgħixu. Nappella lil kull min ser jagħmel użu minn dan il-post, sabiex jibża għalih u jżommu nadif,” irrimarkat is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli.

Permezz ta’ dan l-investiment il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi ħaseb li jsir xogħol estensiv fis-sistema tal-elettriku permezz ta’ trinek u pajpijiet ġodda, fejn wara ġew installati fanali ġodda mad-dawra tal-ġnien kollu. Ġie installat ukoll tgħamir tal-bandli ġdid għat-tfal ta’ etajiet differenti u rubber flooring għal aktar sigurtà. Sar ukoll xogħol ta’ tisbiħ u manutenzjoni fuq l-għamara tal-ġnien u xogħol ta’ żebgħa mal-ġnien mill-ħaddiema tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi.

Min-naħa tiegħu, is-Sindku ta’ Ħal Qormi Josef Masini Vento qal li l-ispazji miftuħa ta’ rikreazzjoni u l-manutenzjoni tagħhom kienet ta’ prijorità għall-Kunsill Lokali, bil-għan li r-residenti jkollhom postijiet ta’ rikreazzjoni ftit passi ’l bogħod minn fejn jgħixu. Huwa qal li grazzi għas-sostenn tal-Gvern għall-kunsilli lokali jistgħu jkomplu jwettqu proġetti li jindirizzaw il-bżonnijiet tar-residenti u l-lokalitajiet rispettivi.

Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm preżenti d-Direttur Ġenerali għad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali Emil Vassallo u diversi membri mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi.

Ekonomija

Sport