Saturday, December 21, 2024

Inawgurat xogħol ta’ tisbiħ u manutenzjoni fil-knisja parrokkjali tal-Fgura

Aqra wkoll

Permezz ta’ kollaborazzjoni bejn l-aġenzija Komunità Malta u d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, sar xogħol tant meħtieġ fuq il-faċċata u s-soqfa tal-knisja parrokkjali tal-Fgura li kellhom bżonn attenzjoni immedjata.

Ix-xogħlijiet, li saru fl-aħħar jiem u ġimgħat, kienu jikkonsistu fiż-żebgħa tal-faċċata kollha tal-knisja mill-ġdid, kif ukoll sar il-liquid membrane fuq is-soqfa. Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, Komunità Malta ffinanzjat x-xiri tal-materjal meħtieġ biex saru dawn ix-xogħlijiet filwaqt li x-xogħol manwali sar kollu mill-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.

Dan ix-xogħol jikkumplimenta xogħol ieħor li wkoll ġie konkluż fl-aħħar ġimgħat, fejn b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Fgura ġie rranġat il-konkos difettuż li kien hemm fil-pedamenti tal-knisja, kif ukoll ġiet miżbugħa l-knisja minn ġewwa.

F’kumment, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri tenna li l-għajnuna u x-xogħlijiet fuq knejjes bħal dik tal-Fgura huwa doveruż li jsir sabiex ikun assigurat li l-qalba tal-irħula u l-ibliet Maltin u Għawdxin, li kollha jduru madwar il-knisja parrokkjali, jkunu mħarsa u msebbħa.

Il-Ministru Camilleri esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-impenn li qed turi Komunità Malta sabiex toffri l-għajnuna u l-appoġġ kull fejn ikun meħtieġ u stqarr li dan mhuwiex l-uniku xogħol li qed jsir fuq knejjes hekk kif fi ftit jiem oħra se jkun inawgurat xogħol ieħor fuq il-knisja tal-Kappuċini fil-Floriana.

“Iridu naraw li, bil-mezzi li għandna għad-dispożizzjoni tagħna, nieħdu ħsieb dak kollu li huwa għal qalb il-komunitajiet Maltin u Għawdxin ħalli dejjem inħallu ambjent aħjar għall-komunitajiet tagħna,” temm jgħid il-Ministru Byron Camilleri.

Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi fid-diskors tiegħu rringrazzja lit-taqsima tal-Project Implementation Division fi ħdan id-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi li ikkordinat dan ix-xogħol. Il-Ministru qal li “grazzi għal proġetti bħal dawn fiċ-ċentri tal-komunitajiet tagħna, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed tkun ta’ spalla għall-Kunsilli Lokali u għal diversi entitajiet biex jitwettqu proġetti ta’ rinnovar u manutenzjoni.”

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi temm jgħid “Bħala Gvern impenjati biex bir-riżorsi kollha disponibbli, nkomplu naħdmu biex nikkonservaw il-wirt arkitettoniku ta’ pajjiżna, anke dak modern kif fil-fatt hija l-istess Knisja Parrokkjali tal-Fgura.”

Ekonomija

Sport