Monday, May 13, 2024

Ara: Minn persuna dipendenti fuq id-droga għal impjegat mal-Caritas

“Ħajti nbidlet mill-iswed għall-abjad … illum ħlief pożittività f’ħajti m’għandix” - Chris Vella, facilitator fix-xelter ta’ San Blas

Aqra wkoll

Karatteristika universali fil-bniedem hija li kull persuna umana hija suġġett għal xi żball jew żbalji fil-ħajja. Ta’ min ikunu żgħar, ta’ oħrajn iktar gravi. Id-differenza minn persuna għall-oħra hija li mhux kulħadd kapaċi jagħraf li miexi fit-triq il-ħażina, filwaqt li hemm min kapaċi jaqbad it-triq it-tajba wara li jkun żgarra diversi drabi. Però, is-sabiħ ta’ dan hija l-opportunità li wieħed jitgħallem mill-iżbalji tiegħu stess.

Din ir-riflessjoni dwar il-bniedem u l-ħajja hija partikolarment importanti fil-formazzjoni ta’ raġel li minn dipendenza fuq diversi sustanzi, għaraf li triq li jixtieq jaqbad hija ferm differenti minn hekk; triq li matulha kapaċi jirriforma ruħu u jkun ta’ kontribut għas-soċjetà. L-Orizzont tkellem ma’ Chris Vella, facilitator fix-xelter ta’ San Blas, li ddeċieda li jaqsam l-istorja personali tiegħu sabiex iservi ta’ xprun għal oħrajn li jinsabu f’sitwazzjoni simili.

Huwa rrakkuntalna minn xiex għadda u x’wasslu biex jegħleb id-dipendenza tad-droga, u li saħansitra llum il-ġurnata San Blas donnu sar parti mill-ossiġnu tiegħu biex iżomm ħaj.

“Bidla kbira … ma kontx nemmen li se nasal s’hawn … ħajti qisha nbidlet mill-iswed għall-abjad. Filli kont fi triq bid-drogi u n-negattività biss, u llum il-ġurnata ħlief pożittività f’ħajti m’għandix,” stqarr Chris b’ġenwinità assoluta.

“Din is-sitwazzjoni fejn naħdem hawnhekk [San Blas] qisha ġiet parti minn ħajti. Lanqas nimmaġinani li ma jkollix dan il-job,” fisser b’onestà liema bħala.

Beda l-programm tliet darbiet … San Blas refgħu minn xagħru u tah ħajtu lura

Chris qalilna li beda jieħu d-droga minn età żgħira sforz in-nuqqas ta’ edukazzjoni li kellu dak iż-żmien. Huwa kien jiffrekwenta persuni ikbar minnu fl-età; kien f’fażi fejn xtaq l-avventura u eventwalment beda jiskopri l-ħażin tal-ħajja: “In-negattività kont nidħlilha. Ma kontx inaħres lejn il-konsegwenzi”.

Lil San Blas iqisu bħala l-post li refgħu minn xagħru u li tah ħajtu lura: “Ġegħelni nintrefa’ … Dan il-post tani ħajti. Dejjem xtaqt li nkun nista’ niġi hawn u nieħu kafè mar-residenti, niġi ħdejn l-istaff…”

Chris f’temp ta’ disa’ snin daħal tliet darbiet għall-programm biex jegħleb id-dipendenza li kellu fuq id-droga. Huwa beda l-ewwel programm f’San Blas fl-2001 meta kien għad kellu 17-il sena. Meta kien wasal biex itemm il-programm, sfortunatament reġa’ waqa’ għad-droga.
Sentejn wara, fl-2003, daħal għat-tieni programm fejn qatta’ madwar sentejn, u hawnhekk għal darb’oħra ma rnexxilux itemm il-programm b’suċċess. Kellhom jgħaddu ħames snin oħra sakemm nibtet fih determinanza liema bħala u daħal għat-tielet programm fl-2010.

Illum il-ġurnata Chris ilu 13-il sena clean u saħansitra ilu madwar sitt snin fl-irwol ta’ facilitator f’San Blas sabiex iwitti t-triq u jidderieġi lil dawk il-persuni li ma jixtiqux jibqgħu vittmi tad-dipendenza tad-droga. Barra minn hekk, Chris huwa missier ta’ żewġt itfal u sostna li kemm huma kif ukoll il-partner tiegħu dejjem ikunu ta’ spalla għalih.

“Biex ersaqt il-Caritas ġabruni mit-triq … ma kontx kapaċi mmur nitlob l-għajnuna”

Chris huwa tal-fehma li għandu jkun hemm sistema fejn grupp ta’ persuni jiġu assenjati f’lokalitajiet jew żoni ffrekwentati minn persuni dipendenti fuq id-droga sabiex ikompli jitkisser dan iċ-ċirku: “Nemmen li hemm bżonn li joħorġu iktar nies fit-toroq u nagħmlu outreach fit-triq; niġbru n-nies mit-triq”.

Dan is-suġġeriment qasmu magħna minn esperjenza li ġarrab hu stess, u li kieku ma kienx għaliha jaf ma kienx ikollu l-fibra li jkisser id-dipendenza u saħansitra jsir parti mit-tim tal-Caritas biex jgħin lil ħaddieħor: “Bażikament, biex ersaqt lejn il-Caritas l-ewwel darba ġabruni mit-triq. Ma kontx kapaċi mmur nitlob l-għajnuna jien”.

Il-Caritas għal Chris huwa mħabba

Il-Caritas għalih mhux biss dak il-post kruċjali li għenu jirriforma ruħu u l-post li minnu llum il-ġurnata qed jaqla’ l-għajxien tiegħu. It-tifsira tal-Caritas għal Chris hija waħda wiesgħa iktar minn hekk. Il-Caritas għalih hija l-aqwa ħaġa li bniedem jista’ jkollu f’ħajtu: l-imħabba. “L-imħabba … l-imħabba li hawn hawn ġew. Anki nisma’ lir-residenti, kif jidħlu minn dik il-grada ‘l hawn, iħossu paċi, mħabba u serenità”.

Għaldaqstant, l-appell ta’ Chris għal dawk li jonqoshom l-aħħar imbuttatura biex jagħmlu wieħed mill-ikbar passi importanti ta’ ħajjithom — li jegħlbu d-dipendenza li għandhom fuq id-droga u/jew l-alkoħol — huwa sabiex jirrikorru għall-għajnuna ħalli d-dipendenza tinbidel f’xi ħaġa pożittiva li terġa’ ttik ħajtek lura!

Sport