Tuesday, April 30, 2024

Aktar minn €8 miljun f’vawċers ta’ rifużjoni għal kontenituri tax-xorb

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Minn mindu daħlet fis-seħħ l-iskema ta’ rifużjoni tal-kontenituri tax-xorb (BCRS), il-kumpanija privata li qed topera din l-iskema ħarġet aktar minn €8 miljun f’vawċers ta’ rifużjoni lill-konsumaturi.

Fil-fatt, jirriżulta li mill-14 ta’ Novembru 2022 sat-18 ta’ Ġunju 2023, l-ammont ta’ rifużjoni tad-depożitu li l-kumpanija BCRS Malta Ltd. ħarġet permezz ta’ vawċers mir-Reverse Vending Machines kien ta’ €8,284,762.

Dan it-tagħrif ingħata fil-Parlament mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli fi tweġiba għal mistoqsija li saritiha mid-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo.

Minn tagħrif li għandha Circular Economy Malta jirriżulta li BCRS Malta Ltd, ġabret b’mod kostanti 74% tal-kontenituri tax-xorb maħruġa fis-suq matul is-sena 2023. Ta’ min jgħid li fil-jiem li għaddew, il-kumpanija ħabbret li l-konsumaturi rriċiklaw aktar minn 100 miljun kontenitur tax-xorb.

Sadanittant, l-iskema tal-BCRS laħqet rekord ieħor għall-akbar ammont ta’ kontenituri miġbura f’ġurnata waħda, meta l-konsumaturi rritornaw 768,000 flixkun fl-24 ta’ Ġunju.

Ta’ min wieħed jinnota li ta’ kuljum, jinġabru medja ta’ kważi 675,000 kontenitur, li jpoġġi lil Malta fir-rotta biex tilħaq il-miri tagħha li tirkupra 70% tal-kontenituri tax-xorb imqiegħda fis-suq sal-aħħar ta’ din is-sena.

Fix-xhur li għaddew, BCRS Malta Ltd. introduċiet ukoll magni ġodda tar-riċiklaġġ li fihom tista’ titfa’ borża bil-kontenituri kollha f’daqqa. Dawn jinsabu f’Ħal Far, Pembroke, il-Mellieħa u fiż-żoni industrijali tal-Marsa u San Ġwann.

Se jkunu qed jiġu installati wkoll żewġ magni oħra bħal dawn fil-jiem li ġejjin fiż-żona industrijali ta’ Bulebel fiż-Żejtun u x-Xewkija, Għawdex. Dan filwaqt li tliet magni oħra qed jistennew il-permessi mill-awtoritajiet u se jkunu installati fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-kumpanija qiegħda tikkollabora wkoll mal-organizzaturi ta’ festivals u avvenimenti oħra biex ikunu installati magni temporanji biex ikunu ta’ aktar konvenjenza għall-konsumaturi.

Sport