Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, inawguraw uffiċjalment il-Youth Hub ġdid fil-kampus tal-Kunsill Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST) f’Raħal Ġdid.
Il-Ministru Clifton Grima qal li, “Dan il-Youth Hub huwa eżempju ċar ta’ kif l-edukazzjoni ma tiqafx fil-klassi. Qed noffru spazji fejn iż-żgħażagħ jistgħu jikbru, jiżviluppaw u jitgħallmu b’mod attiv u prattiku, f’ambjent li jinkoraġġihom jesprimu ruħhom.”
L-ispazju l-ġdid jinkludi żoni komdi fejn l-istudenti jistgħu jirrilassaw jew jaħdmu fuq proġetti, kif ukoll uffiċċju u spazju ġdid iddedikat għall-Kunsill Studenti MCAST (KSM). Din l-inizjattiva tirrifletti impenn b’saħħtu lejn servizz ta’ kwalità għolja u ambjent aktar inklussiv, aċċessibbli u attraenti għaż-żgħażagħ kollha li jattendu.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti qal li, “L-MCAST Youth Hub huwa spazju fejn iż-żgħażagħ jistgħu jsibu l-appoġġ li għandhom bżonn biex jiżviluppaw il-ħiliet personali u soċjali tagħhom f’ambjent sigur u inklussiv. Dan il-proġett huwa prova ċara tal-impenn tagħna li nagħtu valur lill-edukazzjoni mhux formali u noħolqu opportunitajiet ġodda għal kull żagħżugħ u żagħżugħa.”
Il-Youth Hub huwa servizz ta’ edukazzjoni mhux formali mmexxi mill-Aġenzija Żgħażagħ. Dan joffri ambjent sigur, rikreattiv u informali fejn iż-żgħażagħ jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet personali u soċjali tagħhom, jitgħallmu b’mod attiv u parteċipattiv u jingħataw l-opportunità li jikbru f’ambjent ta’ sapport. Il-Youth Hub jopera b’tim ta’ tliet youth workers imħarrġa li joffru appoġġ kontinwu u jorganizzaw attivitajiet edukattivi, kreattivi u ta’ ħiliet ħajja bħal taħditiet tematiċi, logħob informali, diskussjonijiet u proġetti ta’ outreach.
Barra minn hekk, dan l-ispazju se jintuża wkoll għall-parti prattika tal-modulu ‘Community and Social Responsibility’ għal studenti tal-MCAST u bħala ċentru ta’ workshops għall-istituti tal-Mosta, Ħal Qormi u Għawdex. L-Aġenzija Żgħażagħ toffri wkoll sapport regolari lill-Kunsill tal-Istudenti MCAST (KSM) permezz ta’ taħriġ f’oqsma bħat-tmexxija (leadership) u l-bini ta’ tim (team building), kif ukoll permezz ta’ parteċipazzjoni f’avvenimenti bħall-Fresher’s Week u konferenzi oħra.
Il-President tal-Kunsill Studenti MCAST, Matthew Sant, qal: “Bħala KSM nilqgħu b’sodisfazzjon dan l-ispazju ġdid li mhux biss se jservi lill-istudenti iżda se jkun ċentru attiv għal parteċipazzjoni, inizjattivi u kollaborazzjonijiet ġodda favur l-istudenti kollha tal-MCAST.”
L-Aġenzija Żgħażagħ se tkompli żżid il-ħinijiet tal-ftuħ tal-Youth Hub sabiex aktar żgħażagħ ikunu jistgħu jużaw dan is-servizz. Matul is-sajf, il-programmi tal-ħiliet għal ħajja se jiġu offruti wkoll minn dan iċ-ċentru, biex il-Youth Hub isir aktar aċċessibbli anke għaż-żgħażagħ tan-naħa ta’ isfel ta’ Malta, inkluż dawk li għadhom fl-iskola sekondarja.
Il-proġett ta’ riġenerazzjoni seta’ jsir grazzi għal kollaborazzjoni bejn l-MCAST u diversi entitajiet mis-settur pubbliku u privat. Dan wassal biex dan l-ispazju ġie kompletament rinnovat u attrezzat b’faċilitajiet moderni u ambjent li jilqa’ l-bżonnijiet taż-żgħażagħ b’mod aktar effettiv.