Friday, November 15, 2024

Inawgurata berġa tas-saħħa ġdida fil-Belt Valletta

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat inawguraw berġa tas-saħħa ġdida li għall-ewwel darba se tkun ġewwa l-Belt Valletta.

Id-Deputat Prim Ministru qal li bħalma kulħadd jaf il-gvern qiegħed għaddej bi programm li kull belt u raħal ġewwa Malta, fuq medda ta’ żmien, jiftħu berġa rinovata jew kompletament ġdida.

Spjega li din il-berġa ġdida ġewwa l-Belt Kapitali se tinfetaħ, grazzi għas-Sindku u l-Kunsill Lokali Belt Valleta, fil-binja tal-Kunsill b’entraturi separati. Spjega wkoll li l-ftuħ ta’ din il-berġa kien possibbli grazzi għal fondi tal-NDSF.

Qal li f’din il-berġa se joffru mhux biss servizz ta’ tabib imma wkoll servizz ta’ infermiera b’appuntament kif ukoll numru ta’ servizzi speċjalizzati li s-soltu jsiru fiċ-ċentri tas-saħħa jew ġewwa l-isptarijiet.

Se jkun hemm servizzi wkoll ta’ podjatrija, servizz ta’ speech and language pathology u servizz li jinkludi t-testijiet tad-demm li jkollhom bżonn ir-residenti Beltin. Dawn kollha se jsiru b’appuntament fiċ-ċentru l-ġdid li beda jopera mil-lum stess ġewwa l-Belt Valletta.

Id-Deputat Prim Ministru fakkar li f’dawn l-aħħar sentejn u nofs il-gvern fetaħ numru ta’ bereġ f’numru ta’ lokalitajiet. Fil-fatt apparti mill-Belt Valletta hemm il-berġa rinovata ġewwa Tal-Pietà, f’Tas-Sliema, fil-Mellieħa, Ħaż-Żebbuġ, il-Fgura, Ħal Għaxaq, il-Gudja, il-Kalkara, fost bereġ oħra. Qal li għaddej ix-xogħol ukoll f’numru ta’ bereġ oħra li se jkunu lesti fil-ġimgħat li ġejjin u li se jkunu qed jinawguraw dik ta’ Santa Luċija x-xahar id-dieħel. 

Apparti minnha se jkun hemm berġa ġdida ġewwa Marsaskala u għaddej ix-xogħol ukoll fuq berġa ġdida f’Ta Ġiorni, fost bereġ oħra li huma ppjanati li jsiru.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal li matul is-snin fasslu numru ta’ programmi ta’ residenza biex jattiraw investiment internazzjonali proprju biex dak il-ġid jintuża bħala investiment fil-komunità. Semma kif illum għandna eżempju ċar ta’ dan hekk kif qed tinfetaħ berġa ġdida tas-saħħa ġewwa l-Belt Valletta.

Qal li dan huwa parti minn programm ta’ €10 miljun li huma ffinanzjati mill-NDSF u li l-prinċipju huwa li jwasslu l-kura primarja iktar qrib fil-komunità. Spjega li dan il-programm ma spiċċax u fadal iktar bereġ li se jkunu qed jiġu inawgurati fil-ġimgħat li ġejjin.

Matul l-istess konferenza, id-Deputat Prim Ministru ħabbar ir-rilaxx ta’ xi miżuri fosthom dawk li għandhom x’jaqsmu mal-ivvjaġġar u dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ stablimenti u ristoranti li jagħżlu li b’mod volontarju jaċċettaw klijenti biċ-ċertifikat tat-tilqim.

Ekonomija

Sport