Saturday, December 21, 2024

Inawgurata Binja Dr. Joe Brincat – Proġett ġdid t’akkomodazzjoni soċjali f’Ħal Luqa

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes inawgura Binja Dr. Joe Brincat; proġett ġdid t’akkomodazzjoni soċjali ġewwa Ħal Luqa. Dan il-proġett se jkun qiegħed jipprovdi residenza sikura u b’dinjità lil 46 familja u total ta’ 55 garaxx u spazji għall-karozzi, inkluż spazji għall-karozzi għall-persuni b’diżabilità.

Il-Ministru Galdes waqt l-inawgurazzjoni spjega kif dan il-proġett sar b’investiment sostanzjali ta’ madwar 5 miljun ewro. “Kull ewro li nonfqu imbierkuh meta naraw li minnu se jibbenefikaw il-familji tagħna”, stqarr il-Ministru.

Il-Ministru tenna li “dan il-proġett mhux biss se jipprovdi saqaf sikur, iżda ukoll kwalità ta’ ħajja għolja għall-benefiċċjarji tagħna, li minħabba ċirkostanzi differenti tal-ħajja jkun jeħtieġilhom l-għajnuna tal-istat.”

Il-Ministru stqarr li permezz ta’ proġetti soċjali bħal dawn, inkunu qegħdin nagħtu għodda b’saħħitha lill-benefiċċjarji tagħna. Il-Ministru sostna li “l-ambjent li ħloqna f’dan il-proġett soċjali jitkellem waħdu. Ambjent dinjituż mill-isbaħ Ii se jkompli jgħolli l-kwalità tal-ħajja tal-familji tagħna.”

Il-Ministru stqarr li kien xieraq li dan il-proġett soċjali, jingħata isem idonu li jfakkar il-ħidma u l-memorja ta’ Dr. Joe Brincat, li tant ħadem fil-qasam soċjali. Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm ukoll il-qraba tal-mibki Dr. Brincat. Il-Ministru sellem il-memorja ta’ Dr. Brincat li fil-passat serva bħala Ministru tad-Djar, kif ukoll baqa’ dejjem vuċi soċjali b’saħħitha.

Ekonomija

Sport